Hekk kif xahar ieħor Għawdex ikollu uffiċjalment Isqof ġdid, id-Djoċesi Għawdxija ħabbret l-Istemma Episkopali ta’ Monsinjur Anton Teuma.
Akkumpanjata mill-motto “U baqa’ miexi magħhom”, meħud mill-Vanġelu skont San Luqa, fl-Istemma Episkopali tiddomina ċawla bil-ħobż f’munqarha u l-ktieb imkebbeb f’difrejha … żewġ sinjali tal-preżenza ta’ Ġesù Kristu għax permezz tal-Kelma u tal-Ewkaristija, il-Knisja trid tkompli takkumpanja lill-bniedem fil-mixja tal-ħajja.
Fin-naħa ta’ isfel tal-Istemma hemm rappreżentazzjoni ta’ nixxiegħa tal-ilma, bit-tifsira teoloġika tal-ilma li Kristu jipprovdi lil kull bniedem. Sinjal tal-Ispirtu s-Santu, li jagħti l-ħajja ifejjaq u jaħfer id-dgħjufija tal-bniedem.
Ma tonqosx ukoll l-Istemma ta’ Għawdex – it-tliet għoljiet wieqfa fuq il-mewġ – b’referenza għall-missjoni ta’ Monsinjur Teuma speċifikament f’Għawdex u fost l-Għawdxin bħala r-Ragħaj Spiritwali tal-gżira.
Sadanittant, id-Djoċesi aġġornat il-programm ta’ attivitajiet relatati mal-Inawgurazzjoni Episkopali tal-Isqof-magħżul ta’ Għawdex. Dan it-tibdil kellu jsir minħabba l-aħħar żviluppi marbuta mal-imxija tal-Coronavirus.
Il-Ħamis, 27 ta’ Awwissu fis-6.30pm, fir-Rotunda ta’ San Ġwann Battista fix-Xewkija se tinżamm il-Konċelebrazzjoni ta’ Radd il-Ħajr għall-Ministeru Episkopali ta’ Monsinjur Mario Grech bħala Isqof ta’ Għawdex.
Il-Ġimgħa, 11 ta’ Settembru fit-8pm, se tinżamm ċelebrazzjoni ta’ talb bi tħejjija għall-Konsagrazzjoni Episkopali tal-Isqof-magħżul. Din se ssir bil-magħluq fil-Kappella tal-Istitut tal-Familja Papa Ġwanni Pawlu II fir-Rabat. Madankollu, wieħed se jkun jista’ jsegwi din l-attività – bħall-attivitajiet l-oħrajn kollha – fuq il-mezzi soċjali tad-Djoċesi Għawdxija.
Il-Ħadd, 13 ta’ Settembru fil-5.30pm, il-Konsagrazzjoni Episkopali ta’ Monsinjur Teuma se ssir fil-miftuħ – fuq iz-Zuntier tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu.
Dan qabel il-Quddiesa tal-Ingress Solenni, li se tinżamm l-Erbgħa, 16 ta’ Settembru fis-6.30pm, fil-Katidral iddedikat lil Santa Marija fiċ-Ċittadella.
//= $special ?>