Lokali

Kritika qawwija dwar l-iskużi tal-Enemalta

"Hemm bżonn prijoritajiet ċari fil-qasam tal-enerġija" - Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji

Inkredibilment l-Enemalta pruvat tiġġustifika qtugħ tal-provvista tal-elettriku għal 28 darba fuq mhedda ta’ sitt ijiem biss. Hekk sostniet il-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji fi stqarrija fejn insistiet li Malta trid tibda b’serjetà kbira tippjana għal ġenerazzjoni ta’ enerġija li hija bbażata fuq produzzjoni lokali grazzi għal fost oħrajn sorsi rinnovabbli.

Iċ-Chamber of SMEs saħqet li r-raġuni dwar dan il-qtugħ kontinwa fil-provvista tad-dawl li l-Enemalta tat hija l-fatt li ċaqlieq tal-provvista fil-maġġorparti tagħha lejn żoni residenzjali – nuqqas ta’ bilanċ meta wieħed jikkumpara l-provvista ma’ żoni turistiċi, konsegwenza tas-sitwazzjoni li pajjiżna jinsab fiha kawża tal-Covid-19.

Il-Kamra sostniet li din ir-raġuni hija waħda rrazzjonali l-għaliex skontha, inqas ma jkun hawn turisti f’pajjiżna, inqas ikun hawn talba li suppost isarraf f’inqas qtugħ fl-elettriku.

Dan filwaqt li reġgħet insistiet fuq l-appell li għamlet f’Jannar, li ġaladarba ma jsirx investiment serju f’dan il-qasam, fid-dawl li l-popolazzjoni tal-Gżejjer Maltin kull ma jmur qiegħda tiżdied u li qed jiżdiedu l-karozzi tal-elettriku, dan kollu ser iġib id-distribuzzjoni tal-provvista tal-elettriku għarkupptejha.

Il-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji saħqet li huwa inaċċettabli li l-kumpanija tal-enerġija lokali qed taħdem b’management by crisis, apparti l-fatt li b’mod konsistenti għal dawn l-aħħar snin Malta ġiet klassifikata bħala wieħed mill-inqas pajjiżi fl-Ewropa eco-friendly.

Għaldaqstant il-Kamra appellat lill-Gvern u lill-Enemalta sabiex jieħdu din is-sitwazzjoni b’serjetà kbira u mhux ikompli bl-istatus quo ta’ skużi u nuqqas ta’ interess li jwassal biss għal diskors fieragħ.

Dawn il-proposti, kompliet il-kamra, m’għandhomx jibqgħu jaqgħu fuq widnejn torox sabiex ma jibqgħux jinħlew il-miljuni tal-ewro għad-detriment tal-familji Maltin u Għawdxin.