Lokali

Lulju diżastruż għall-ajruport Malti kawża tal-pandemija

Kien ftit inqas minn 81% it-tnaqqis fl-ammont ta’ passiġġieri li għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta tul ix-xahar ta’ Lulju.

Rapport maħruġ mill-MIA wera li t-traffiku sħiħ ta’ dan ix-xahar kien ekwivalenti għall-ewwel ġimgħa biss ta’ Lulju 2019. Dan hekk kif l-ajruport irreġistra 152, 818 passiġġier tul ix-xahar li għadda, tnaqqis ta’ 80.9% meta ċ-ċifri ġew mqabbla ma, l-istess perjodu tas-sena preċedenti.

Dan kollu sfortunatament konsegwenza tal-pandemija li qed taħkem lill-bqija tad-dinja, b’operazzjonijiet limitati u b’titjiriet imnaqqsa kawża tal-Covid-19 li fil-bqija tal-Ewropa ssarfu fi tnaqqis ta’ medja ta’ 78%.

L-aqwa suq li ġie rreġistrat għall-Ajruport Malti tul dan il-perjodu kien ġej mill-Italja hekk kif kien hemm aktar minn 37, 400 moviment minn u lejn dan il-pajjiż – bl-aktar ajruport popolari kien dak ta’ Fontanarossa, ta’ Katanja.

Intant, l-aktar jum impenjattiv f’dak li għandu x’jaqsam movimenti ta’ passiġġieri kien l-aħħar jum, jiġifieri l-31 ta’ Lulju.