Coronavirus Ekonomija Lokali

Mhux ċar x’se jsir bil-‘wage supplements’

Kawża tal-pandemija tal-COVID-19, l-ekonomija tad-dinja ħadet daqqa kbira u fl-aħħar xhur kienu ħafna dawk li spiċċaw mingħajr xogħol jew b’sigħat imnaqqsa.

Diversi gvernijiet madwar id-dinja servew ta’ għajnuna għall-kumpanijji u l-ħaddiema biex dawn setgħu jkomplu jaqilgħu l-għejxien tagħhom.

Issa li l-pandemija ilha fostna għal diversi xhur, u ħadd għadu ma jaf kemm se ddum, numru ta’ gvernijiet qed iħabbru miżuri ġodda u pjanijiet biex ikomplu jgħinu lin-negozzji u l-ħaddiema għal tul ta’ żmien.

Fix-xhur li għaddew il-Gvern Malti nieda miżura ta’ wage supplement, li minkejja li ma bbenefikax minnha kulħadd, kienet estiża sal-aħħar tas-Sajf. U issa li n-numri tal-Coronavirus huma agħar milli kienu meta dan il-wage supplement beda, u għalhekk wieħed jistenna li l-ekonomija terġa’ tiġi affetwata, staqsejna lill-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri jekk hemmx pjan biex din l-għajnuna tkun estiża wara Settembru meta n-numri jidhru li se jkomplu jiżdiedu b’rata allarmanti. Mir-risposta tiegħu, jidher li għadu mhux ċar x’ser jiġri.

Staqsejna wkoll lill-Ministru jekk kienx hemm aġġornament dwar is-sitwazzjoni tal-vouchers tal-Gvern li tqassmu fl-aħħar ġimgħat. Hu saħaq li 90% tqassamu. Silvio Schembri ħabbar li fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jkun qed jagħti d-dettalji dwar kemm intużaw minn dawn il-vouchers u fejn intefqu.