Internazzjonali

Mozambique: Battalja biex jieħdu lura port lill-ISIS

It-truppi tal-Gvern ta’ Mozambique qed jiġġieldu biex jieħdu lura l-kontroll tal-port ewlieni f’Mocimboa da Praia – u fost rapporti li l-port kien waqa’ f’idejn il-militanti Iżlamiċi tal-ISIS aktar kmieni fil-ġimgħa.

Il-belt inkwistjoni tinsab qrib is-sit ta’ proġetti għall-ġenerazzjoni tal-gass naturali u li fihom kienu investiti l-ekwivalenti ta’ qrib il-50 biljun ewro.

L-aħħar rapporti qalu li l-militar tal-Mozambique kien qed jinsisti ‘biex jelimina t-theddida tal-ISIS’, fost indikazzjonijiet li t-terroristi kienu qed jużaw il-membri tal-popolazzjoni bħala ‘tarki umana’.

Il-battalja għandha jkollha konsegwenzi importanti għaz-zona, meta t-telfa tal-belt inkwistjoni kienet daqqa ta’ ħarta kbira għall-militar tal-pajjiż, li anki qed jipprova jrażżan rivoluzzjoni fil-provinċja ta’ Cabo Delgado.

Il-militanti marbuta mal-ISIS, fl-aħħar xhur, ħadu l-kontroll ta’ diversi bliet lejn in-naħa ta’ fuq tal-Mozambique għal xi żmien, fejn irriżultaw eluf  ta’ refuġjati. Intant, dan kien l-aħħar fost numru ta’ attakki tal-ISIS fuq Mocimboa da Praia, din is-sena.