Coronavirus Saħħa

Plejer ta’ Birkirkara FC pożittiv għal Covid-19

Plejer ieħor pożittiv għal Covid-19 fil-Kampjonat BOV Premier Malti wara li Birkirkara FC ħabbru fuq il-midja soċjali tagħhom li wieħed mill-plejers tagħhom ittestja pożittiv għall-virus.

Għaldaqstant, il-klabb spjega li kull forma ta’ taħriġ ġew sospiżi. Ġie spjegat ukoll li l-plejer, li ismu ma ssemmiex, jinsab f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba u tpoġġu taħt iżolazzjoni sa minn meta ħarġulu s-sintomi.

Il-klabb sostna wkoll li ttieħdet kull miżura ta’ prekawzjoni filwaqt li dawk kollha li attendew għas-sessjoni ta’ taħriġ flimkien ma’ dan il-plejer tqiegħdu wkoll taħt iżolazzjoni u ġew mitluba sabiex jagħmlu swab.

Dan huwa r-raba’ każ ta’ Coronavirus fil-Premier Malti wara li Balzan żvelaw li 3 plejers mill-ewwel skwadra tagħhom ġew infettati bil-virus – b’numru ta’ pożittivi wkoll fit-timijiet ta’ Santa Venera, Qrendi, Naxxar Lions, Ta’ Xbiex u membru tal-istaff tat-tim ta’ Swieqi United.

Intant, mill-banda l-oħra l-kampjonat tal-waterpolo lokali jinsab sospiz sa nhar il-Ħadd wara li plejer ta’ San Ġiljan ittestja pożittiv.