Lokali

Sebat ijiem ankrati Hurd’s Bank… u l–Gvern sieket

It-tanker taż-żejt Etienne, li għandu 27 immigrant abbord, issa għalaq ġimgħa ankrat f’Hurd’s Bank, 45 mil ‘il barra mix-xtut Maltin.

It-tanker tal-linja Maersk baqa’ ankrat fiż-żona assennjata apposta għall-vapuri li jkunu deħlin pajjiżna, fejn jistennew li jingħataw l-awtorizzazzjoni biex jidħlu fil-portijiet tagħna.

Sadanittant iżda, u minkejja li l-immigranti ilhom sebat ijiem jistennew xi forma ta’ direzzjoni minn Malta, s’issa skiet perfett mill-awtoritajiet Maltin, bil-Gvern baqa’ ma lissen lanqas kelma waħda dwar dan it-tanker u l-persuni abbord daqs li kieku ma jafx bihom.

NET News staqsa kemm lill-Ministru tal-Intern Byron Camilleri, kif ukoll lil dak tal-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo xi pjan għandu l-Gvern għal dan it-tanker u dawk abbord. Madankollu, s’issa ma rċevejna l-ebda tweġiba.

F’pajjiżna, mill-bidu tas-sena ‘l hawn, daħlu aktar minn 1,900 immigrant, bil-Gvern qajla joħroġ stqarrijiet dwar id-dħul tagħhom, u li nkixfu biss bis-saħħa tal-media f’pajjiżna.

Intnat fi tweet, l-organizzazzjoni Alarmphone appellat lill-Gvern Malti biex ma jħallix lil dawn l-immigranti aktar jiem fuq il-baħar.