Lokali Qorti

Sitt snin ħabs fuq falsifikazzjoni ta’ aktar minn €21,000 fuq prokura

Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo kkundannat lil Jon Lawrence Formosa ta’ 42 sena minn Bormla sitt snin ħabs wara li sabitu ħati ta’ frodi ta’ eluf ta’ ewro u serq ta’ timbru li ntuża biex isir il-frodi minn uffiċċju f’Raħal Ġdid.

Is-serqa minn dan l-uffiċċju ntużat biex jittieħed timbru u tiġi mbgħabsa prokura biex bija jkunu jistgħu jinġbdu mill-bank is-somma ta’ €21,575. Il-flus permezz ta’ din il-prokura nġibdu minn banek f’Raħal Ġdid, Marsa, u l-Fgura.

Formosa magħruf bħala il-“Bulo” u li kien jabbuża mid-droga nstab ħati wkoll li sar reċediv. Huwa kien qed jifaċċa 12-il akkuża bl-aktar gravi dik li wettaq frodi ta’ €21,575 fuq pazjenta ta’ 60 sena li kienet rikoverat fl-isptar Monte Carmeli.

Dan billi bagħbas fil-prokura li kienet fuq isem ħuha, li kien qed jagħmel pjaċir lil Formosa u żammu miegħu għax ma kellux fejn joqgħod. L-Ispettur Spiridione Zammit kien xehed li għall-ħabta tas-12.45pm. ċertu Carmel Farrugia flimkien man-neputija tieghu Christine għamlu rapport l-Għassa ta’ Rahal Gdid.

Ir-rapport kien jgħid li kienu għadhom kemm inġibdu €21,000 mill-kont ta’ oħtu. Farrugia għamel rapport, stante li huwa għandu l-prokura ta’ oħtu li kienet tinsab rikoverata l-Isptar Monte Carmeli.

Huwa kien mar il-bank sabiex jiġbed xi flus għan-nom ta’ oħtu, iżda l-bank kienu nfurmawh li bħala bilanċ kien għad fadal biss €12.47ċ. Farrugia kien ġie nfurmat mill-Bank li €21,000 inġibdu minn Jon Lawrence Formosa li wkoll kellu prokura ta’ Antonia Farrugia.

Il-bank kienu taw lil Carmel Farrugia statement għall-perjodu mit-3 ta’ Jannar, 2014 sal-14 t’Awwissu, 2014 liema statement ingħata wkoll lill-Pulizija. Carmel Farrugia stqarr li Jon Lawrence Formosa flimkien mat-tfajla tieghu kienu jgħixu d-dar tiegħu matul ix-xahar ta’ Ġunju, 2014, peress li Jon Lawrence Formosa kien “homeless”.

Irriżulta minn investigazzjoni tal-Pulizija illi Jon Lawrence Formosa kien ġibed il-flus mill-Banek ta’ Raħal Ġdid, Fgura u l-Marsa fil-perjodu ta’ bejn it-2 ta’ Lulju, 2014 sat-28 ta’ Lulju, 2014.

Il-Pulizija kienet lil ċertu Chris Spiteri li huwa awditur u li kien iffirma l-prokura fejn dan informa lill-Pulizija li fix-xahar ta’ Gunju, 2014 kienu nsterqulu ttimbru, television tal-marka Toshiba, xi bolol kif ukoll detergent mill-ufficju tiegħu f’Raħal Gdid. Spiteri kien għamel rapport l-Għassa fis-26 ta’ Gunju, 2014 dwar dan is-serq.

Spiteri gie muri xi ritratti mill-Pulizija fejn kien għaraf lil Jon Lawrence Formosa u li dan kien jgħix ftit l’isfel minnu. Irriżulta li peress li l-bjut għandhom iċ-ċnut baxxi, min seraq seta’ daħal mill-bjut li jinfdu għall-uffiċini ta’ Spiteri.

Spiteri kien qal li għall-bidu ma ndunax li t-timbru kien misruq iżda wara xi ġimgħa li għamel ir-rapport, induna li t-timbru kien nieqes ukoll. Minn investigazzjoni tal-Pulizija, irrizulta li minn tliet fergħat ta’ banek kienu ngħataw flus lil Formosa. Dan ġie kkonfermat mill-iskrivani stess mix-xhieda li taw.

Għalhekk ġie żvelat li kien Formosa bħala l-persuna li kien talabhom ċertu somom ta’ flus f’ammonti differenti. Sussegwentement, il-Magistrat Neville Camilleri awtorizza mandat ta’ arrest fil-konfront ta’ Jon Lawrence Formosa u peress li dan kien jiffirma l-Għassa ta’ Bormla, kien gie arrestat fit-28 ta’ Settembru, 2014.

Meta rrilaxxja l-istqarrija tiegħu, kien ammetta li kien seraq dawn il-flejjes, kif ukoll it-timbru tal-awditur Chris Spiteri. Jon Lawrence Formosa spjega li sakemm kien qed joqgħod għand Carmel Farrugia, ikkopja ċertu dettalji ta’ oħtu u seraq it-timbru tal-awditur Chris Spiteri u ffalsifika l-firma ta’ Spiteri sabiex imur il-banek u jiġbed il-flus, liema ammont kien ta’ €21,575.

L-Ispettur Spiridione Zammit kien staqsa lil Jon Lawrence Formosa x’kien għamel bit-television li kien seraq mill-uffiċċju f’Raħal Ġdid u dan qallu li kien partu ta’ persuna partikolari iżda naqas milli jgħid lill-Pulizija dan il-persuna min hu.

Huwa għaldaqstant instab ħati li bagħabas fi proklama tal-istess vittma biex ikunu jistgħu jinġibdu l-flus tagħha. Madankollu l-Qorti fis-sentenza tagħha skartat l-istqarrija ta’ Formosa minħabba li ma kienx assistit minn avukat meta din saret.

Huwa nstab ħati wkoll li seraq timbru minn uffiċċju fil-lejl ta’ bejn is- 26 ta’ Ġunju u s-27 ta’ Ġunju tal-2014 minn Triq Bormla, f’ Raħal Ġdid u li kkommetta serq ta’ televiżjoni.

Huwa ma nstabx ħati iżda li xjentement laqa’ għandu jew xtara ħwejjeġ misruqa, meħuda b’qerq, jew akkwistati b’reat, sew jew dan isir f’Malta jew barra minn Malta, jew xjentement b’kull mod li jkun indaħal biex ibiegħhom jew imexxihom.

Huwa ma nstabx ħati wkoll li għamel qliegħ tas-somma msemmija fil-konfront ta’ mara minn Raħal Ġdid. Instab ħati iżda talli fix-xhur ta’ Ġunju 2014 u Lulju 2014 f’dawn il-Gżejjer naqas milli jħares kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti tal-Magistrati u li sar reċidiv.

Il-Qorti ikkundannat lil Formosa għall-perjodu ta’ sitt snin priġunerija effettivi, li minnhom irid jitnaqqas iż-żmien li għamel taħt arrest preventiv u ordnat ukoll li l-ammont ta’ €6,522.24 imposti fuqu wara li kien ingħata l-ħelsien mill-arrest jgħaddu favur il-Gvern ta’ Malta. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Spiridione Zammit u Hubert Cini.