Internazzjonali

Stati Uniti: Biden u Harris jattakkaw lil Trump bħala ‘il-President li kisser pajjiż’

Il-kandidat tal-Partit Demokratiku Joe Biden u r-running mate tiegħu ( tal-istess partit) Kamala Harris attakkaw lill-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, bħala ‘mexxej inkompetenti li farrak pajjiżu tul l-aħħar snin tal-Presidenza’.

Biden, f’Novembru, se jisfida lil Trump għall-White House, b’Kamala qed tikkuntesta għar-rwol ta’ Viċi-President Amerikan għan-nom tad-Demokratiċi.

L-attakk tagħhom fuq Trump seħħ waqt li huma kienu qed imexxu l-ewwel avveniment tal-kampanja elettorali bħala l-kandidat presidenzjali u r-running mate tiegħu – bil-konferma ta’ Harris f’dan ir-rwol tingħata fil-jum ta’ qabel.

Il-President Trump, sadanittant, ma baqax lura milli jwieġeb u sostna li Kamala Harris ‘issa kellha taċċetta rwol umiljanti’ wara li ppruvat tikseb in-nomina tal-Partit Demokratiku biex tikkuntesta hi, kontra tiegħu, għall-Presidenza.

Kamala Harris, senatur minn Kaliforna, hi l-ewwel mara sewda li se tikkuntesta bħala ‘is-sieħba’ tal-kandidat ewlieni nnominat minn partit (tal-Istati Uniti) biex jisfida għall-White House.

Sadanittant, Joe Biden – waqt l-avveniment f’Wilmington, fl-Istat ta’ Delaware – sostna li l-għażla tal-poplu Amerikan, f’Novembru, għandha tiddeċiedi l-futur tal-Istati Uniti għal żmien twil.

Hu kompla li mhux sorpriż bl-attakki verbali konsistenti kontra tiegħu u Kamala Harris min-naħa ta’ Trump u saħaq li ‘dawn jixhdu l-vera karattru tal-President’

Fl-istess ħin, Joe Biden ikkundanna l-mod kif  Donald Trump mexxa l-pajjiż waqt il-pandemija tal-coronavirus waqt li kkritika l-politika ta’ Trump rigward il-bidliet fil-klima. Biden kompla li Trump għandu wkoll track record ħażin fis-settur tax-xogħol u li l-President ‘qed jinsisti b’retorika razzista li tqanqal firda u diviżjoni fost l-Amerikani’.