Lokali

Suċċess għal awtriċi Maltija – il-ktieb tagħha meqjus bħala ‘bestseller’

Falcon’s Shadow: a Novel of the Knights of Malta fin-numru wieħed fuq Amazon

Fi ftit sigħat minn meta kien disponibbli għall-bejgħ, il-ktieb mill-pinna tal-Maltija bbażata fil-Kanada, spiċċa fin-numru wieħed bħala best-seller fuq Amazon.

Falcon’s Shadow: a Novel of the Knights of Malta, huwa t-tieni ktieb mit-triloġija dwar l-Assedju l-Kbir Malti mill-pinna ta’ Marthese Fenech. Il-ktieb preċedenti, Eight Pointed Cross – l-ewwel wieħed mis-serje – għadu wkoll jokkupa postu fil-lista tal-bestsellers.

Fenech saħqet li fix-xhur tal-pandemija, hekk kif kulħadd jinsab beżgħan maqful f’daru, xtaqet toffri daqsxejn libertà għall-immaġinazzjoni lil dak li jkun u għaldaqstant, il-verżjoni diġitali tal-kotba fuq is-sit Amazon niżlitilhom prezzhom għal 99 ċenteżmu – dan bħala ringrazzjament għas-sagrifiċji li l-popli qiegħdin jagħmlu.

Marthese Fenech spjegat li fi ftit sigħat biss il-ktieb tagħha spiċċa fin-numru wieħed u stqarret li tat persentaġġ mill-bejgħ bħala donazzjoni għall-għaqdiet li qed jgħinu b’ħidma sfieqa fil-ġlieda kontra l-Covid-19. Dan filwaqt li mill-profitti xtrat u tat diversi kunsinni ta’ ingwanti għal frontliners fl-isptarijiet.

It-triloġija tal-awtriċi Maltija hija bbażata fuq l-Assedju l-Kbir tal-1565, il-battalja qalila bejn il-Kavallieri ta’ San Ġwann u l-Ottomani tas-Sultan. Filwaqt li l-ktieb Eight Pointed Cross huwa bbażat 20 sena qabel l-assedju, l-istorja ddur aktar fuq l-assedju li twettaq f’Għawdex. It-tielet ktieb mistenni joħroġ lejn l-aħħar tal-2021.

Fenech twieldet f’Toronto, fil-Kanada wildt żewġ Maltin. Hija sostniet li l-hena tagħha ddur id-dinja fejn siefret lejn xejn inqas minn 65 pajjiż madwar 6 kontinenti.

Segwi aktar hawn.