Internazzjonali

Wara l-elezzjoni fil-Belarus: Imut it-tieni dimostrant, fost l-allarm u l-kundanna tan-NU

In-Nazzjonijiet Uniti qed tikkundanna bla riservi l-użu tal-vjolenza mill-awtoritajiet tal-Belarus wara li dimosrant miet waqt li kien qiegħed jinżamm mill-pulizija. Din kienet it-tieni mewta fil-pajjiż mindu l-President Alexander Lukashenko rebaħ l-elezzjoni polemikuża ta’ nhar il-Ħadd, bi 80 fil-mija tal-vot, fost akkużi dwar abbuż u manipulazzjoni fil-proċess tal-votazzjoni.

L-uffiċjali qed jgħidu li mhix ċara l-kawża tal-mewt tad-dimostrant – raġel ta’ 25 sena – fl-inħawi ta’ Gomel. Intant, qed jingħad li r-raġel kellu l-problemi tal-qalb u li hu kien inżamm għal sigħat ġo vann tal-pulizija.

Is-sorsi qrib il-Gvern qalu wkoll li r-raġel kien spiċċa arrestat u mogħti sentenza ta’ għaxart ijiem ħabs talli ħa sehem fi protesta illegali. Ir-rapporti komplew li r-raġel, f’xi ħin, ittieħed lejn l-isptar wara li ħassu ħażin u fejn miet ftit taż-żmien wara. L-inċident qed ikun investigat.

Sadanittant, kelliema għall-pulizija fl-inħawi ta’ Brest qalu li l-qawwiet tal-liġi fetħu n-nar fuq xi nies ‘wara li spiċċaw attakkati’ – u meta l-protesti fil-Belarus komplew għar-raba’ lejl konsekuttiv.

Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti, Michelle Bachelet, tkellmet dwar l-indikazzjonijiet li l-pulizija fil-Belarus qed jużaw il-forza eċċessiva fuq id-dimostranti. Dan meta spikkaw il-waqtiet fejn l-uffiċjali tal-liġi sparaw il-balal tal-gomma u l-kanuni tal-ilma fuq il-folol. Issemmew ukoll inċidenti fejn il-pulizija użat is-stun grenades waqt konfronti mad-dimostranti.

Bachelet, permezz ta’ stqarrija, qalet li r-rapporti jissuġġerixxu li ‘il fuq minn 6,000 persuna spiċċaw arrestati fl-aħħar tlett ijiem u li dawn kienu jinkludu ‘persuni innoċenti li nqabdu f’nofs l-inkwiet’, kif ukoll xi minorenni. Is-sitwazzjoni fil-Belarus, intant, qed tissuġġerixxi kampanja ta’ arresti fuq livell tal-massa b’abbuż ċar għad-drittijiet umani.

In-NU hi partikularment inkwetata dwar ir-rapporti dwar it-trattament ħażin tal- persuni li qed jispiċċaw arrestati fil-Belarus, b’Michelle Bachelet issejjaħ għall-ħelsien tan-nies kollha li nżammu taħt arrest b’mod illegali.

Dan waqt li t-Televiżjoni tal-Belarus uriet lil xi arrestati bit-tbenġil u ġrieħi oħrajn u li kienu sfurzati jwieġbu għall-mistoqsija jekk ‘humiex beħsiebhom ikomplu jwettqu rivoluzzjoni’.

Talanqas 200 dimostrant spiċċaw midruba fl-inkwiet li ilu għaddej fil-Belarus min-nhar il-Ħadd u meta, nhar it-Tnejn, dimostrant spiċċa jitlef ħajtu waqt protesta fil-kapitali, Minsk. L-awtoritajiet tal-Belarus qalu li dan id-dimostrant kien tilef ħajtu ‘b’kaġun ta’splussiv li kellu f’idejh’.

Il-protesti kontra Lukashenko u l-Gvern tiegħu saru frekwenti f’Minsk u bliet oħra. Dan meta l-Unjoni Ewropea kundannat l-elezzjoni tal-Ħadd bħala ‘proċess li ma jistax jitqies bħala ħieles jew xieraq’.

Intant, aktar kmieni din il-ġimgħa, il-protagonista ewlenija tal-Oppożizzjoni, Svetlana Tikhanovskaya – l-isfidanta ewlenija ta’ Lukashenko — kienet inżammet għal żmien mill-pulizija qabel ħarbet lejn il-Litwanja.

Il-President Lukashenko ilu mill-1994 imexxi fil-Belarus iżda l-kap tal-politika barranija tal-Unjoni Ewropea, Josep Borrell, qal li l-poplu ta’ dan il-pajjiż wera ‘ix-xewqa għal bidla demokratika’ waqt il-kampanja elettorali ta’ jiem ilu.

Intant, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Iżvezja qal li l-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE għandhom jiltaqgħu biex jiddiskutu s-sanzjonijiet fuq il-Belarus.

Il-Litwanja, il-Polonja u l-Latvja qalu li huma lesti biex iservu bħala medjaturi fil-kriżi, dment li l-awtoritajiet fil-Belarus jieqfu mill-vjolenza kontra d-dimostranti.

Hemm ukoll domandi biex il-Gvern ta’ Lukashenko jeħles lid-dimostranti arrestati u jifforma kunsill nazzjonali mal-membri tas-soċjetà ċivili. Dan fost twissija li l-awtoritajiet tal-Belarus qed jissugraw is-sanzjonijiet jekk jippersistu bl-aġir preżenti.