Fl-aħħar ħin ġew imħabbra 31 każ ġdid ta’ Coronavirus f’pajjiżna, b’aħbar pożittiva li fl-aħħar sigħat fiequ 54 każ, biex b’hekk il-każijiet attivi niżlu għal 505.
Ġie mħabbar li 44 minn 54 imfejqa, kienu immigranti. Interessanti kien il-fatt li meta l-immigranti msemmija ġew ittestjati pożittivi, dawn ma kinux inklużi fl-ammonti mħabbra dakinhar iżda issa li fiequ 44 immigrant, ġie deċiż li dawn jiġu inklużi mal-54 imfejjqa.
“Persuna jinsab fuq ventilator”
Fil-bullettin mediku mill-Professur Charmaine Gauci ntqal li fl-Isptar Mater Dei hemm ħames każijiet. Il-maġġoranza huma stabbli, iżda hemm anzjan li mhux qiegħed kompletament stabbli. Intant, hemm tliet persuni li jinsabu l-ITU. Hija ħabbret ukoll li persuna jinsab fuq il-ventilator.
Fl-Isptar Boffa mbagħad hemm 16-il pazjent bil-COVID-19 filwaqt li fl-Isptar St. Thomas hemm 13-il persuna – nies li qegħdin jieħdu l-kura għal aktar attenzjoni mill-professjonisti mediċi jew li jagħżlu li jiġu iżolati hemm biex jipproteġu l-vulnerabbli fi djarhom
Charmaine Gauci qalet li hemm ukoll tmien pazjenti fl-Isptar Monte Karmeli. Qalet li malli kien ġie identifikat każ fl-Isptar ittieħdu l-miżuri neċessarji b’mod immedjat. Tenniet li l-istaff kollu li kellu kuntatt mal-pazjenti, jiġifieri 77 membru tal-istaff, kollha jinsabu fi kwarantina.
Dawn jingħaqdu mal-1,200 persuna bejn wieħed u ieħor fi kwarantina fil-pajjiż, 144 minnhom ħaddiema fil-kura tas-saħħa, b’56 minn Mater Dei.
B’kollox hemm 34 każ pożittiv minn festa lokali u 17 il-każ minn skejjel tal-Ingliż fuq medda ta’ ġimagħtejn filwaqt li fl-aħħar ġimgħa, kien hemm 29 każ pożittiv ġdid relatati ma’ clusters li fihom organizzati festini familjari bħal tal-preċett u ikliet, 5 minn Dar tal-Anzjani, 5 oħra f’fabbrika, 12 minn 3 postijiet tax-xogħol, 4 minn attivitajiet sportivi u 3 minn ristorant.
Ħafna mill-każi pożittivi fit-tieni mewġa laqtu l-faxxa żagħżugħa bejn il-15 u l-35 sena iżda s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika wissiet li qed jibda jinħass l-impatt fuq l-anzjani u l-vulnerabbli.
Dwar il-ftuħ tal-iskejjel, Charmaine Gauci ammettiet li l-evidenza li fuqhom qed jikkunsidraw iħejju il-protokoll f’Malta huwa limitat ħafna filwaqt li fuq il-protokolli ta’ kif persuna tiġi ddikkjarat imfejjqa, dan inbidel u allura l-perjodu qsar abbażi ta’ evidenza medika ġdida.
Dwar il-vaċċin tar-Russja, peress li l-vaċċin mhuwiex wieħed mid-9 vaċċini li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qed tikkunsidra fit-2 jew it-3 fażi ta’ provi kliniċi, Malta mhijiex qed tikkunsidra l-vaċċin qiegħda fil-joint procurement tal-Unjoni Ewropea biex jinxtara vaċċin.
Finalment, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tat x’tifhem li qiegħed jiġi kkunsidrat li pajjiżna jidħol f’emerġenza tas-saħħa pubblika.
//= $special ?>