Lokali

Anzjana involuta f’inċident tat-traffiku fin-Naxxar

Anzjana ta’ 65 sena residenti Għajnsielem, Għawdex, qed issofri minn feriti serji wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku fin-Naxxar.

Kienu għall-ħabta tas-sebgħa u nofs ta’ filgħodu, x’ħin il-Pulizija ġiet infurmata li hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq l-Imdawra, in-Naxxar minħabba li kien seħħ inċident tat-traffiku.

Il-Pulizija tad-Distrett tan-Naxxar marru mill-ewwel fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li mara ta’ 65 sena tilfet il-kontroll tal-vettura Toyota Passo u kellha impatt ma’ siġra.

Fuq il-post issejħu l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu lil mara u ssejħet ukoll ambulanza li ħadet lil mara l-isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.

Iktar tard, hi ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi serji.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella li fetħet inkjesta
rigward il-każ fejn ġew maħtura numru ta’ esperti sabiex jassistuha filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett għadhom għaddejjin.