Futbol Sport

Bayern Munich jumiljaw lil Barcelona

(Ritratt: UCL)

Fit-tielet kwartifinali tal-UEFA Champions League, iċ-champions Ġermaniżi Bayern Munich għelbu lil Barcelona 8-2. Bayern Munich iddominaw il-partita mill-bidu u ftit taw ċans lil Barcelona juru l-aħjar logħob tagħhom.

Bayern Munich fetħu l-iskor wara biss erbgħa minuti meta f’azzjoni tajba maħduma bejn Perisic, Lewandowski u Muller, kien THOMAS MULLER li b’xutt fil-baxx bix-xellug għeleb lil Ter Stegen. Barcelona wieġbu mal-ewwel u wara tliet minuti ġabu d-draw permezz ta’ awto gowl ta’ DAVID ALABA li f’tentattiv li jtajjar il-ballun minn cross ta’ Jordi Alba xeħet wara l-gowlkiper tiegħu stess. Barcelona kellhom ċans imorru fil-vantaġġ meta minn cross ta’ Messi, Busquets naqas milli jagħmel kuntatt sinifikanti mal-ballun, bil-ballun jaħbat mal-lasta.

Bayern Munich marru 2-1 fil-vantaġġ fil-21 minuta meta Sergi Roberta tilef l-ballun li spiċċa f’saqajn Gnabry li għadda lejn PERISIC li b’xutt b’saħħtu tefa’ fir-rokna tax-xibka. Sitt minuti biss wara, il-Ġermaniżi għamluhom 3-1 meta f’azzjoni oħra maħduma b’mod intelliġenti u veloċi, kien GNABRY li kkonkluda għal wara Ter Stegen.

Mal-31 minuta, Bayern skorjaw ir-raba’ gowl permezz ta’ THOMAS MULLER li kkonkluda mill-viċin fuq cross fil-baxx ta’ Kimmich. Fit-tieni taqsima Bayern Munich komplew kif temmew l-ewwel 45 minuta u skorjaw l-ħames gowl permezz ta’ Lewandowski, bil-gowl ikun imħassar għall-offside. Fil-57 minuta, Barcelona naqsu d-distakk meta Alba lagħab pass tajjeb lejn LUIZ SUAREZ li b’konklużjoni tajba għeleb lil Neuer. It-tim ta’ Hansi Flick iżda reġa’ fetaħ vantaġġ ta’ tliet gowls meta minn azzjoni personali ta’ Davies kien JOSHUA KIMMICH li kkonkluda mill-viċin għal 5-2.

LEWANDOWKSI għamilhom sitta meta minn cross tas-sostitut Coutinho għola bir-ras għall-ewwel gowl tiegħu f’din il-partita. Il-Ġermaniżi komplew bl-assedju tagħhom u fil-85 minuta għamluhom 7-2 b’konklużjoni preċiża ta’ COUTINHO. Bayern Munich komplew jumiljaw lit-tim ta’ Quique Setien meta COUTINHO għamilhom 8-2

UEFA CHAMPIONS LEAGUE


Kwartifinali: L-Erbgħa: Atalanta v PSG 1-2, Ilbieraħ: RB Leipzig v A. Madrid 2-1, Illum: Barcelona v B. Munich 2-8, Għada: Man City v Lyon 9.00pm