Internazzjonali

Belarus: Akkużi dwar dimostranti torturati waqt l-arrest

Il-Kap ewlenija tal-Oppożizzjoni tal-Belarus, Svetlana Tikhanovskaya, sejħet biex tieqaf il-vjolenza fil-konfront tad-dimostranti f’pajjiżha, waqt li ħeġġet biex isiru aktar ‘rallies popolari’ fil-Belarus fi tmiem il-ġimgħa.

Dan waqt li dimostranti li fl-aħħar jiem ħarġu jipprotestaw kontra l-Gvern tal-President tal-Belarus, Alexander Lukashenko, għaddew dettalji dwar ‘swat u tortura’ li sofrew wara li spiċċaw arrestati għal jiem mill-pulizija tal-Gvern.

Sadanittant, il-grupp Amnesty International qal li l-provi preżentati jindikaw tassew ‘tortura fuq skala wiesgħa’.

Svetlana Tikhanovskaya din il-ġimgħa ħarbet lejn il-Litwanja wara li kienet damet arrestata għal diversi sigħat f’pajjiżha. Dan ukoll wara li Tikhanovskaya kienet tilfet il-vot nazzjonali ( fil-Belarus) ta’ nhar il-Ħadd kontra l-President Lukashenko li ilu jmexxi pajjiżu mill-1994.

It-Tmexxija fil-Belarus, issa, wiegħdet li se teħles lill-persuni kollha li spiċċaw arrestati fost l-inkwiet ta’ wara l-elezzjoni – u meta l-Unjoni Ewropea kienet qed tikkunsidra sanzjonijiet ġodda fil-konfront ta’ dan il-pajjiż.

Skont l-aħħar kalkuli, madwar 7,000 dimostrant inżammu taħt arrest mindu żbruffaw il-protesti f’Minsk u bliet oħra tal-Belarus, matul il-lejl tal-Ħadd.

Il-Belarus kompla jara l-inkwiet minn wara l-elezzjoni, bl-UE u l-Istati Uniti mhumiex jaċċettaw dak il-vot bħala riflessjoni ta’ eżerċizzju ġust jew xieraq.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, min-naħa tagħha, appoġġjat aktar sanzjonijiet ‘kontra n-nies ( fil-Belarus) li abbużaw il-valuri demokratiċi u d-drittijiet umani tan-nies’.

Filwaqt li Lukashenko kien iddikjarat rebbieħ mill-awtoritajiet elettorali ta’ pajjiżu, is-sostenituri ta’ Tikhanovskaya qed jgħidu li ‘ir-rebħa hi tagħha’.

Fl-ewwel stqarrija wara jiem ta’ skiet perfett, Tikhanovskaya qalet li hi kienet kisbet appoġġ li jvarja bejn is-60 u s-70 fil-mija tal-voti fl-ibnadi tal-Belarus fejn ‘l-għadd sar bis-sewwa’ – u fejn il-kumitat elettorali, minflok, ikkonfermalha biss mal-għaxra fil-mija tal-appoġġ popolari.