Andre Camilleri kien ir-rebbieħ tat-tielet tellieqa tal-Kampjonat tal-għawm Open Water BSJ li saret fil-Bajja tas-Salina nhar l-Erbgħa 12 ta’ Awwissu taħt l-awspiċji tal-Aquatic Sports Association ta’ Malta. Huwa temm it-tellieqa ta’ żewġ kilometri f’25 minuta u 32 sekonda, li għalkemm ma kienx l-aħjar ħin tiegħu fil-kampjonat, xorta kellu titjib fuq il-ħin preċidenti.
Fit-tieni post daħlet Sarah Demicoli, li għadha tiddomina t-taqsima tan-nisa. It-tielet barra mill-ilma kien Stefano Debono Grech, sekonda biss wara Demicoli. Huwa ġie segwit ftit wara minn Bernard Sant. Il-battalja għat-tielet post fil-kategorija femminili kien wieħed b’distakk żgħir, meta Leah Satariano spiċċat żewġ sekondi biss qabel Hannah Cutajar.
Il-Kampjonat fadallu żewġ tlielaq u l-klassifikazzjoni ġenerali bħalissa tara lil Andre Camilleri u Sarah Demicoli fil-quċċata tal-kategoriji rispettivi tagħhom.
L-aħħar tellieqa ta’ żewġ kilometri se ssir nhar il-Ħadd 16 ta’ Awwissu fis-7.30 ta’ filgħodu, filwaqt li l-aħħar tellieqa tal-Kampjonat fuq medda ta’ erba’ kilometri hija skedata għall-Erbgħa 19 ta’ Awwissu fil-5pm. Iż-żewġ tlielaq ser isiru fil-Bajja tas-Salina.
Ir-reġistrazzjonijiet onljan huma miftuħa u jistgħu jsiru permezz tas-sit elettroniku tal-Klabb https://bkarastjoseph.com/index.php?id=178.
Riżultati
Irġiel 1. Andre Camilleri (25.32), 2.Stefano Debono Grech (27.09), 3.Bernard Sant (28.20)
Nisa 1.Sarah Demicoli (27.08), 2.Kelsy Borg (28.54), 3.Leah Satariano (29.45)
//= $special ?>