Internazzjonali

Covid-19…L-UE timpenja investiment fil-vaċċin tal-futur

Il-Kummissjoni Ewropea qablet biex tixtri sa 400 miljun doża ta’ vaċċin tal-futur għal kontra l-Covid-19 mingħand il-kumpanija Britannika AstraZeneca – waħda mill-protagonisti ewlenin fis-settur tal-farmaċewtika.

Il-Kummissjoni beħsiebha tinvesti fi 300 miljun doża – bl-għażla li tixtri 100 miljun doża oħra – għan-nom tas-27 Stati membri tal-Unjoni Ewropea.

Hi qalet li d-deċiżjoni biex tappoġġja l-vaċċin tal-AstraZeneca bbażat, fost oħrajn, fuq ‘analiżi xjentifika soda u l-fatt li l-pajjiżi rispettivi għandhom jingħataw il-vaċċin skont ir-rata tal-prodozzjoni u fi żmien aċċettabbli.

Punt importanti ieħor jinvolvi l-kapaċità ta’ din il-kumpanija biex, ‘il quddiem, tissupplixxi l-vaċċin lill-UE sħiħa flimkien ma’ reġjuni oħra.

L-aħbar segwiet ftehim preċedenti li ntlaħaq f’Ġunju bejn il-kumpanija inkwistjoni u l-Europe’s Inclusive Vaccines Alliance – grupp iffurmat minn Franza, il-Ġermanja, l-Italja u l-Olanda bil-għan li jaċċerta minn dożi tal-vaċċin ‘anti-Covid-19’ għall-Istati-membri.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, qalet, f’messaġġ, li l-Kummissjoni ‘qed twettaq il-wiegħdiet fi prattika’ meta hi impenjata biex tissalvagwarda s-saħħa tal-Ewropej u s-sieħba globali tal-Ewropa.