Coronavirus Internazzjonali

Covid-19: Spanja tagħlaq in-nightclubs u twaqqaf it-tipjip fit-toroq

Il-Gvern ta’ Spanja ħabbar li qed jagħlaq il-bars u n-nightclubs fost il-projbizzjoni tat-titjip fit-toroq għal persuni li ma jżommux distanza ta’ żewġ metri minn xulxin. Dan meta komplew jiżdiedu l-każi tal-Covid-19 madwar il-pajjiż.

Sadanittant, ir-ristoranti fi Spanja issa jridu jagħlqu bilfors ma nofs-il lejl u bl-ebda mod ma jistgħu jdaħħlu lin-nies minn wara dak il-ħin speċifiku.

Fl-istess ħin, il-Ministru tas-Saħħa Spanjol, Salvador Illa, beħsiebu jimmulta lin-nies li jinqabdu jixorbu l-alkoħol fit-toroq.

Salvador Illa, waqt konferenza tal-aħbarijiet, irrepeta li l-pandemija reġgħet qabdet fi Spanja u li l-awtoritajiet lokali deċidew li jadottaw azzjonijiet koordinati li qed ikunu implimentati b’mod unanimu fl-interess tas-saħħa pubblika.

Intant, ħarġet sejħa biex in-nies, fi Spanja, jevitaw li jiltaqgħu ma persuni oħra li ma jkunux tal-istess familja.

Skont il-gazzetta El Pais, Spanja, nhar il-Ħamis irrappurtat madwar 3,000 infezzjoni ġdida bil-Covid-19 għal perjodu ta’ 24 siegħa.