Lokali Qorti

Estradizzjoni għas-Slovakkja għal mara li ilha maħruba tmien snin fuq frodi

Slovakka ta’ 43 sena ġiet estradita lejn pajjiżha fuq ordni tal-Qorti wara talba li saret mill-awtoritajiet Slovakki wara li din kienet ħarbet il-ġustizzja tmien snin ilu wara li kienet instabet ħatha fuq frodi ta’ aktar minn  200,000.

Miriam Salingerova kienet ħarbet mis-Slovakkja u ilha nieqsa sa mill-2012. Hija kellha sservi sentenza ta’ tliet snin ħabs fuq reti ta’ evażjoni ta’ taxxa u ħlas ta’ primjums tal-assigurazzjoni li jlaħħqu ftit aktar minn 210,000.

Il-każ ġie konkluż wara nvestigazzjoni li saret mill-Pulizija Slovakka fejn din skopriet li Miriam Salingerova kienet spiċċat tgħix Malta. Dawn minn naħa tagħhom kienu nfurmaw lill-Pulizija Maltija li wasslet għall-arrest tal-mara lejn l-aħħar ta’ Lulju.

Hija se sservi tliet snin ħabs fis-Slovakkja u mill-każ tagħha l-Pulizija jistgħu jsolvu aktar każijiet fil-konfront ta’ Slovakki oħrajn li wettqu reati simili. Dak li jissejjaħ ‘Sirene National Centre’ ikkolabora mal-Pulizija Maltija dwar l-estradizzoni tal-mara.

Membri ta’ ‘l hekk imsejjaħ PPZ Criminal Police Office fis-Slovakkja, li wkoll daħal fil-każ bl-għajnuna tal-pubbliku Slovakk kiseb informazzjoni mportanti dwar il-fatt li Salinger kienet tinsab Malta.

Wara tfittxija mingħar suċċess, il-Qorti Reġjonali fi Žilina ħarġet mandat ta ‘arrest għar-reat kriminali kontinwu  fuq evażjoni lampanti tat-taxxi u primjums tal-assigurazzjoni.

Il-Pulizija Slovakka kienet ukoll għamlet talba biex ċittadini ta’ pajjiżha jirrappurtaw kwalunkwe informazzjoni dwar il-mara mfittxija, il-movimenti tagħha u r-residenza ta’ fejn setgħet kienet qed tistaħba.  

It-Task Force tal-Pulizija Slovakka, magħrufa wkoll bħala l-‘Headhunter’ kienet għamlet tfittxija għaliha u rat li Salingerová ma titlaqx mill-Unjoni Ewropea.

Wara kkonfermaw li kienet marret fl-iżgħar stat fl-unjoni, li huwa Malta. Id-deċiżjoni li hija tiġi estradita ngħatat  mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ftit tal-jiem ilu, u li din kellha tħalli Malta lejn is-Slovakkja fi żmien 10 t’ijiem.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li wara li li rat iċ-ċertifikat maħrug mill-Avukat Ġenerali skont l-Artikolu 7 maħruġ fit-23 ta’ Lulju, 2020; tagħat il-kunsens tagħha sabiex l-akkużata tintbagħat lura pajjiża. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mark Galea.