Lokali

Għadu mhux ċar il-mottiv; il-vittma hu barrani, arrestat raġel minn Ħ’Attard

Kien lejl twil ta’ investigazzjonijiet minn naħa tal-Pulizija… f’Ta’ Qali fiz-zona fejn instab raġel mimli dmija, wara li qala’ daqqiet ta’ sikkina.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-11pm meta l-Pulizija daħlilha rapport li hemm raġel ferut fl-għelieqi biswit l-istadium nazzjonali ta’ Ta’ Qali… Il-vittma, Bulgaru ta’ 57 sena, li indarab serjament b’diversi daqqiet ta’ sikkina.

Fil-post waslu mal-ewwel uffiċjali mit-Taqsima tar-Reati Maġġuri, membri tal-RIU kif ukoll tim paramediku b’ambulanza. Apparti l-vittma, huma sabu Kuntistabbli tal-Pulizija li kien barra l-ħin ax-xogħol, li nzerta għaddej mill-akwati u waqaf jagħti l-ewwel għajnuna.

Il-vittma ttieħed b’urġenza l-isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu. Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li f’daħla li tagħti għal għelieqi nstabet il-vettura tal-vittma bid-dwal mixgħulin… ħdejha ġie nnutat traċċi tad-demm.

Sigħat wara, il-Ġimgħa filgħodu fis-6:46am raġel ta’ 36 sena residenti Ħ’Attard, kien arrestat mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit wara lejl imfittex… L-allegat agressur il-Pulizija tar-RIU sabu lill-allegat aggressur mistoħbi f’komun ta’ blokka ta’ appartamenti f’Ħ’Attard, b’xi ġrieħi f’saqajh li saru waqt lallegat aggressjoni f’Ta’ Qali.

Ir-raġel kien arrestat u ttieħed fil-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana għall-aktar stħarriġ. L-investigazzjonijiet sabiex ikun magħruf il-mottiv tal-allegat aggressjoni għadhom għaddejjin.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija qegħdin jitmexxew mit-Taqsima tar-Reati Maġġuri assistit mill-Pulizija tad-Distrett.