Sport Waterpolo

Il-Kampjonat Premier u l-Ewwel Diviżjoni posposti sat-22 ta’ Awwissu … il-kampjonati U17 u U20 posposti b’mod indefinit

(Ritratt: Martin Agius)

Il-Kampjonat Premier u l-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-Waterpolo ġew posposti sat-22 ta’ Awwissu. F’laqgħa mal-Presidenti li saret ilbieraħ, ġie deċiż ukoll li l-kampjonati ta’ taħt is-17-il sena u l-20 sena jkunu posposti b’mod indefinit biex jitnaqqas iċ-ċans li l-plejers jilagħbu ma’ timijiet differenti minħabba li uħud minnhom jilagħbu f’aktar minn kampjonat wieħed.

Dawn id-deċiżjonijiet ittieħdu wara li l-Erbgħa sar magħruf li plejer ta’ San Ġiljan instab pożittiv għall-coronavirus, bil-konfront bejn San Ġiljan u Birżebbuġa li kellu jintlagħab l-Erbgħa stess fit-8.10pm ġie pospost. Dan il-posponiment tal-kampjonati tal-adulti jaħbat eżatt mal-perjodu ta’ kwarantina li jkunu għamlu l-persuni setgħu kienu f’kuntatt mal-plejer li kien pożittiv. Il-ġimgħa d-dieħla mistennija ssir laqgħa oħra biex issir evalwazzjoni tas-sitwazzjoni preżenti u l-futur tal-kompetizzjonijiet.