Festi Knisja Kultura Lokali Saħħa Xjenza u Teknoloġija

Il-logħob tan-nar iqawwi qalb id-dilettanti f’Santa Marija

Ħarqiet ridotti mistennija fil-ħin tat-Tranżlazzjoni Lejlet Santa Marija u Spettaklu Pirotekniku ta' siegħa f'nhar il-15 t'Awwissu filgħaxija

Lejlet is-Solennità tat-Tlugħ ta’ Sidtna Marija fis-Sema’ – lejl sinonimu ma’ kif il-pirotekniċi Maltin jpittru s-smewwiet bil-beraq, il-murtali bil-logħob u tal-kulur, il-blalen kif ukoll l-għeluq tal-ispettaklu pirotekniku sinkronizzat mal-mużika.

Iżda l-pandemija, speċjalment issa biż-żidiet allarmanti fil-każi pożittivi tal-COVID-19, ħalliet l-effetti devastanti tagħha fuq il-festi Maltin u Għawdxin.

Ħafna mill-festi esterni ridotti li kien hemm imħejjija mill-Għaqdiet Mużikali kif ukoll il-Kumitati tal-Festa issa ġew imħassra definittivament, inkluż il-pellegrinaġġ tal-Festa.

Il-logħob tan-nar tal-ajru biss qiegħed jagħti ftit soljev lid-dilettanti tal-festi f’dan is-sajf għeri mill-festi tradizzjonali Maltin u Għawdxin billi jgawdi l-ispettakli b’distanza qalb il-periferiji tal-irħula.

Il-Pulizija qed tagħti permessi għal ħruq tan-nar lejlet u nhar il-festa filgħodu u f’nofsinhar, lejlet il-festa fil-ħin tat-tranżlazzjoni xis-6pm u f’nhar il-festa filgħaxija qiegħed jingħata permess limitat għal spettaklu pirotekniku ta’ siegħa.

Dan ifisser l-ispettakli pirotekniċi ta’ lejlet il-festa bil-lejl b’mod partikolari, inkluż dawk rinomati ta’ Lejlet Santa Marija, ukoll ġew imħassra b’Avviż Legali maħruġa biex ikun miġġieled it-tixrid tal-COVID-19.

Dan għajr għall-ħarqa tat-tranżlazzjoni bil-festi ta’ Santa Marija fil-Qrendi, Ħal Għaxaq, il-Mosta u r-Rabat Għawdex se jżommu l-appuntament bil-ħarqa tagħhom għall-ħabta tas-6 ta’ filgħaxija b’logħob tan-nar ta’ bi nhar li jinkludi diversi settijiet ta’ murtaletti u murtali tal-beraq pront.

Peress li l-Mosta fi ħdanha għandha 2 ikmamar tan-nar li jagħtu sehmhom fil-Festa Titulari, ġie maqbul li l-Kamra tan-Nar 15 t’Awwissu tagħti sehmha Lejlet il-Festa filwaqt li l-Kamra tan-Nar Santa Marija toffri l-ispettaklu tagħha f’Jum il-Festa.

Intant f’nhar il-Festa, il-Kamra tan-Nar Santa Marija tal-Imqabba tingħaqad mal-bqija tal-irħula msemmija biex isellmu lill-Madonna f’Jum l-Assunzjoni tagħha bi programm ta’ logħob tan-nar tal-ajru.

Dan għandu jilħaq il-qofol tiegħu għall-ħabta tad-9 ta’ filgħaxija bi spettaklu pirotekniku li jinkludi fih murtali tal-kulur, blalen u sfejjer.