Sport Sport Ieħor

Ir-rebbieħa tal-Open tas-sena l-oħra Bianca Andreescu mhux se tipparteċipa din is-sena

Ir-rebbieħa tal-Open tal-Istati Uniti tas-sena l-oħra Bianca Andreescu ħabbret li mhux se tieħu sehem din is-sena minħabba li l-pandemija tal-Coronavirus fixkel l-irkupru tagħha. It-tennista Kanadiża li għandha biss 20 sena ilha ma tilgħab minn Ottubru li għadda minħabba weġgħa f’irkuptejha li sofriet fil-WTA Finals.

In-numru sitta tad-dinja Andreescu għelbet lil Serena Williams fil-finali tas-singles tan-nisa. Hi saħqet li trid tirritorna meta jkun għaddielha sew u tkun preparata biex tilgħab.

Andreescu hija ir-raba’ mara mill-aqwa għaxra tad-dinja li ħabbret li mhux se tieħu sehem fl-Open ta’ din is-sena, flimkien man-numru wieħed Ashleigh Barty, Elina Svitolina u Kiki Bertens. In-numru tnejn Simona Halep mistennija tħabbar ukoll li mhux se tipparteċipa. Minkejja dan, Serena Williams li hija rebbieħa ta’ 23 Grand Slam qalet li xorta se tikkompeti f’dan it-turnament.

Mill-kompetizzjoni tal-Irġiel, in-numru wieħed tad-dinja Novak Djokovic ikkonferma li ħa jilgħab filwaqt li r-rebbieħ tas-sena l-oħra Rafael Nadal mhux se jieħu sehem minħabba l-pandemija.

L-Open tal-Istati Uniti se jsir ġewwa New York fil-31 ta’ Awwissu bil-bibien magħluqa.