Lokali Qorti

Ix-xhieda ta’ Scicluna tqajjem numru ta’ domandi

“Pajjiżna, żewġ gvernijiet” Dan hu t-titlu tal-editorjal tat-Times of Malta li ssokta jitkellem fuq ix-xhieda ta’ Edward Scicluna fl-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, u kif taħt l-eks Prim Ministru Joseph Muscat Malta kellha dan ix-xenarju ta’ żewġ gvernijiet.

Scicluna stqarr li hu ħassu abbandunat mill-hekk imsejjaħ ‘kitchen cabinet’. Jinsisti, li hu ma kienx parti minn dawk meqjusa tal-qalba.

Fl-editorjal intqal li ma kienx kuntent li jeżiżtu dawn ix-xenarji ta’ żewġ gvernijiet… kitchen cabinet li jieħu l-ewwel deċiżjonijiet, u wara jkompli fuqhom il-kabinett tal-Ministri.

“Fil-Parlament ma kellniex free vote. Kienet jew li nieħdu deċizzjoni favur, jew inkella nirriżenjaw, jien għażilt tal-ewwel”

L-argument tiegħu fl-inkjesta kien li hu ħalla €100,000 paga fl-impjieg li kellu fi Brussel bħala MEP, u telaq mill-“comfort zone” biex ġie Malta.

“Għaliex għandi nirriżenja? Fil-Parlament ma kellniex free vote. Kienet jew li nieħdu deċizzjoni favur, jew inkella nirriżenjaw, jien għażilt tal-ewwel, sfortunatament ma kienx free vote”.  saħaq il-Ministru tal-Gvern.

L-editorjal kompla li l-poplu li eleġġa lil dan il-Ministru jeħtieġ li jkollu spjegazzjoni aktar ċara dwar is-silenzju tiegħu waqt l-aħħar avvenimenti politiċi, filwaqt li qal li huwa inkwetanti li għandek persuni li qatt ma kienu eletti, u kienu huma li jikkontrallaw miljuni ta’ fondi pubbliċi. Stqarrija iebsa li twassal għal  tħassib serju fost dawk kollha li jemmnu fid-demokrazija.

Intqal li l-evidenza li provdew iż-żewġ Ministi, kemm Evarist Bartolo u Edward Scicluna se ġġib attenzjoni internazzjonli, b’Malta tkompli tinżel ‘l isfel fl-indiċi tal-fiduċja, filwaqt li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna saret dik tal-abbuż tal-poter u l-korruzzjoni.

L-Editorjal ikkonkluda li Muscat m’għadux Prim Ministru, iżda għadu fi ħdan il-Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela. Ġie mtenni li Robert Abela jibda jkun kredibbli jekk ineħħi u jaqta’ kull kuntatt lil dawn l-individwi li ġabu dellijiet koroh fit-tmexxija u fuq pajjiżna.