Lokali

Jinqabad b’€75,600 mhux iddikjarati fl-Ajruport ta’ Malta

Passiġġier li kienu għadu kif wasal fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta nqabad b’€75,600 fi flus mhux iddikjarati.

Il-passiġġier, li kien ġej minn Bucharest, intalab jgħid l-ammont ta’ flus li kien qiegħed iġorr fuqu minn tim ta’ kontra l-ħasil ta’ flus li kien jinsab fl-Ajruport . Hu wieġeb li ma kellu l-ebda tip ta’ flus fuqu. Minkejja din ir-risposta, hu ma ġiex emnut u saret tfittxija kemm fuqu u anke l-basktijiet u bagalji li kellu miegħu. Minn hemm instab l-ammont imsemmi f’forma ta’ bank draft.

Il-passiġġier ittieħed fil-kustodja tal-Pulizija għal aktar investigazzjoni.

Kull min jivjaġġa hu obbligat li jiddikjara kull ammont ta’ flus li jkun qed iġorr jekk dawn jaqbżu l-€10,000, anke jekk dawn ikunu f’forma ta’ ċekk. Dan għandu jseħħ f’obbligu kemm jekk wieħed ikun se jitlaq, jasal jew jittranżita mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.