Edukazzjoni Lokali

Kif ser isiru l-lectures tal-Università f’Ottubru?

Kemm l-iskejjel tal-primarja u tas-sekondarja, u anke l-Università ta’ Malta u Ġ.F. Abela Junior College (JC) se jkunu qed jiftħu f’Ottubru sakemm ma joħorġu direttivi ġodda mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Dan minkejja li l-każijiet ta’ COVID-19 iktar ma jmur iktar qed jiżdiedu. Lura f’Marzu meta pajjiżna ra l-ewwel ftit każijiet, l-iskejjel kollha, inkluż l-Università ta’ Malta, kienu ingħalqu, bil-lectures u eżamijiet saru kollha virtwali.

Fejn jidħlu lectures għal studenti li għandhom iktar minn 16-il sena, jekk il-lezzjonijiet jikkonsistu fi gruppi kbar, dawn għandhom jinqasmu fi gruppi iżgħar, b’nofs il-grupp jipparteċipa b’mod virtwali u n-nofs l-ieħor ikun jista’ jattendi l-lezzjoni. Min se jkun qed jattendi l-lezzjonijiet fiżikalment, id-distanza soċjali għandha tinżamm filwaqt li wieħed għandu jilbes maskra f’kull ħin.

Minkejja dan, kull fakultà taħdem differenti minn oħrajn u b’hekk tista’ tiddeċiedi li l-lectures xorta waħda kollha jsiru online. Dan ħareġ minn The Malta Independent.

Fl-aħħar ġimgħat, kemm il-Prim Ministru Robert Abela u anke l-Ministru tal-Edukazzjoni, Owen Bonnici saħqu li l-iskola għandha tibda normali inkella se jkun hawn kriżi tal-edukazzjoni.