Lokali

Priġunieri fuq strajk tal-ġuħ minħabba l-kundizzjonijiet

Miċħuda rapporti li Yorgen Fenech biss jinsab għaddej bi strajk tal-ġuħ

Net News jista’ jiżvela li bħalissa fil-Faċilità Korrettiva f’Ta’ Kordin għaddej strajk tal-ġuħ mill-priġunieri f’diviżjoni partikolari tal-ħabs.

Dan qed jiġri f’Division 17 fejn hemm madwar 6 priġunieri u li fosthom hemm Yorgen Fenech li wkoll jinsab bi strajk.

Sorsi kkonfermaw li dan l-istrajk qed isir minħabba l-kundizzjonijiet hżiena li jinsabu fihom dawn il-priġunieri. Fost l-oħrajn, l-indafa u s-sanità f’Division 17 kif ukoll in-nuqqas ta’ arja kkundizzjonata. Net News jista’ jikkonferma li dawn in-nuqqasijiet mhux preżenti f’żoni oħrajn fil-ħabs u kien għalhekk illi l-priġunieri residenti f’din iż-żona għażlu li jibdew strajk tal-ġuħ.

Din il-kamra tal-aħbarijiet kienet infurmata li matul il-lejl li għadda, f’din id-Division kien hemm priġunier ma jiflaħx u ma ngħata ebda attenzjoni medika.

Stqarrija minn Yorgen Fenech:

Intant permezz ta’ stqarrija minn Yorgen Fenech intqal li l-hunger strike sar b’mod kollettiv mill-priġunieri kollha. Intqal li dan l-istrajk qed isir wara l-kundizzjonijiet ħżiena li hemm fil-ħabs u li d-deċizzjoni ma ttiħditx abbażi ta’ ġilda jew ġens.

Yorgen Fenech kien ilu f’kamra ma’ ħaddieħor xhur, bil-letrina tinqasam bejn kulħadd, bla ebda ventilazzjoni, bi spazju limitat għall-iġjene personali, ħasil ta’ platti u ħwejjeġ.

L-istqarrija qalet li t-temperatura fiċ-ċellel f’waqtiet telgħat għal 40 grad celsius, kif ukoll li ħabsin fl-istess kamra kienu ma jifilħux, anki b’kundizzjonijiet bħal diarrheoa.

L-istqarrija temmet tgħid li Yorgen Fenech sa issa għadu ma nstabx ħati u jista’ biss jara l-familja bejn 15-30 minuta fil-ġimgħa iżda l-Ġimgħa filgħodu dan kollu kien revokat u ma ngħata ebda raġuni.