Coronavirus Lokali

Repubblika titlob Inkjesta Pubblika dwar il-miżuri tal-COVID-19

Fi stqarrija l-għaqda Repubblika kkundannat “il-politika ta’ kontinwità dettata mir-rebgħa u l-impunità tal-gvern ta’ Robert Abela li qed ikollha effetti diżastrużi fuq is-saħħa tagħna l-Maltin u ta’ dawk li jżuruna, fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, u konsegwentement, fuq l-ekonomija tagħna.”

Repubblika kompliet tgħid li “il-‘mekkaniżmi’ u l-protokolli implimentati minn Robert Abela u l-gvern tiegħu biex titqajjem l-ekonomija qegħdin ikollhom l-effett kuntrarju minn dak mistenni.”

L-għaqda qed tispera li dawk il-protokolli li qegħdin jiġu stabbiliti għall-iskejjel mhux se jkollhom l-istess effetti diżastrużi, u li mhux se jeffettwaw is-saħħa u l-benessri tat-tfal tagħna.

L-istqarrija temmet tgħid li “fid-dawl tal-falliment tal-gvern ta’ Robert Abela biex jikkontrolla it-tifrix attwali tal-pandemija tal-COVID, qed titlob inkjesta pubblika dwar il-miżuri li ttieħdu u li se jittieħdu biex iwaqqfu il-firxa tal-COVID.”  Repubblika talbet ukoll li “l’hekk msejħa protokolli għall-ftuħ tal-iskejjel u tal-università jiġu ippublikati minnufih, biex il-ġenituri jistgħu ikollhom rashom mistrieħa li s-saħħa u l-edukazzjoni korretta tat-tfal tagħhom se tkun iggarantita u l-istudenti ikunu jistgħu jerġgħu jibdew l-istudju tagħhom fis-serenità.”