Coronavirus Lokali Saħħa

Social Workers imħassba bl-għeluq tad-dipartiment tal-outpatients psikjatriċi

L-għeluq tad-dipartiment tal-outpatients psikjatriċi mingħajr pjan konkret biex jittrasferixxi l-pazjenti kollha fil-kliniċi tal-komunità ġab aktar tħassib fost l-utenti tas-servizz, dawk li jieħdu ħsiebhom u l-professjonisti.

Hekk stqarret l-Assoċjazzjoni Maltija tas-Social Workers permezz ta’ stqarrija.

Filwaqt li uħud mill-pazjenti, jew dawk li jieħdu ħsiebhom, jistgħu jilħqu l-għajnuna u jiksbu appuntament, hemm tħassib serju għal dawk b’mard mentali serju la ma jsibu l-ebda għajnuna, u jibqgħu mwarrba.

Hemm ukoll tħassib dwar in-nuqqas ta’ riżorsi umani biex jintlaħqu t-talbiet għoljin u dan it-tħassib jestendi għal dawk li għandhom jerfgħu r-responsabbiltà legali medika jekk iseħħ xi ħaġa minħabba nuqqas ta’ riżorsi umani.

Il-MASW appellat biex dan is-settur jingħata l-prijorità mistħoqqha, u l-pazjenti jkunu jistgħu jingħataw is-servizz mediku kif hu xieraq u suppost.

Fl-aħħar jiem kienu bosta numru ta’ tobba li tkellmu ma’ Net News fejn urew it-tħassib dwar dan, inkluż il-problemi ta’ ansjeta li l-imxija tal-Coronavirus qed toħloq.