Internazzjonali

Stati Uniti: Jikkumbattu nirien fost stennija għal mewġa tas-sħana f’Kalifornja

epa08600371 A firefighter helicopter drops water on the Lake Fire as it continues its progress in Lake Hughes, California, USA, 12 August 2020. According to the latest media report the fire burnt 10,000 acres. EPA-EFE/ETIENNE LAURENT

L-uffiċjali għall-emerġenzi fl-Istat ta’ Kalifornja qed jagħmlu li jistgħu biex irażżnu n-nirien kbar li qabdu din il-ġimgħa qalb art iddominata minn foresta lejn il-lvant tal-Istat.

In-nirien ġew imlaqqmin ‘Lake Fire’ u fl-aħħar jiem ikkaġunaw l-evakwazzjonijiet tar-residenti miz-zona inkwistjoni u l-madwar ta’ Los Angeles.

Sadanittant, l-uffiċjali wissew li n-nirien kapaċi jieħdu spinta ġdida u aktar perikoluża minħabba l-kurrenti tal-arja sħuna li qed jonfħu f’Kalifornja, fost l-indikazzjonijiet kollha ta’ mewġa tas-sħana kbira.

Fl-aħħar sigħat, ir-residenti fl-inħawi tan-naħa t’isfel ta’ Kalifornja setgħu jaraw dħaħen enormi telgħin miz-zoni maħkuma min-nirien. Dan fost il-konferma li l-Lake Fire avvanza tul zoni tal-Istat li kienu ilhom ma jġarrbu nirien mill-1968.

L-osservaturi qablu li l-fjammi qerdu ‘numru inkalkulabbli’ ta’ siġar u li l-iskwadri għall-emerġenzi, fl-aħħar sigħat, kienu laħqu ikkontrollaw biss ftit aktar minn ‘ħamsa fil-mija’ tal-fjammi’.

Għalissa, il-‘Lake Fire’ qed jhedded ‘il fuq minn 5,000 residenza tan-nies, bl-awtoritajiet jemmnu li jridu jiffaċċjaw emerġenza ta’ nar ‘tal-ogħla kategorija’ għal diversi jiem.

Il-fjammi, s’issa, ‘belgħu’ territorji fl-Angeles National Forest bejn Santa Clarita u Palmdale, lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Los Angeles.