Coronavirus Lokali

VOX POP: In-nies se jħossu n-nuqqas tal-festa ta’ Santa Marija?

Il-15 ta’ Awwissu… ġurnata assoċjata ma’ Santa Marija u li hi tant għal qalb ħafna mal-Maltin u l-Għawdxin. Iżda sfortunatament, din is-sena ċ-ċelebrazzjonijiet kellhom jitħassru minħabba COVID-19.

Madanakollu, dan ma waqqafx lin-nies milli jinżlu fit-toroq u milli jżejnu bħal kull sena oħra. Net News mar il-Mosta fejn is-Sibt sippost kellha tiġi ċċelebrata din il-festa tant għal qalb il-Mostin.

U saħansitra anke l-Għawdxin kienu jinżlu Malta f’din il-ġimgħa biex jiċċelebraw mal-Maltin, liema tradizzjoni ma tistax issir din is-sena.

X’se tkun l-iżjed ħaġa li se jħossu n-nuqqas tagħha?

Il-festa ta’ Santa Marija ma tkunx biss ċċelebbrata l-Mosta… sitt irħula oħra jiċċellebraw din il-festa; il-Qrendi, l-Imqabba, Ħal Għaxaq, il-Gudja u Ħ’Attard f’Malta u r-Rabat, Għawdex. Din tiġi ċċelebbrata wkoll fil-Knisja l-Qadima ta’ Birkirkara.

Sena wara sena, dawn l-irħula jibdew f’quddiesa segwita minn marċi tradizzjonali u brijużi, filwaqt li filgħaxija jintlaħaq il-qofol bil-purċissjonijiet.

Iżda dan kollu tħassar għal din is-sena għas-sigurtà ta’ kull individwu. U barra dawn, il-lokalitajiet ta’ Ħad-Dingli, l-Imġarr u ż-Żebbuġ, Għawdex kellhom ukoll iħassru l-festi tagħhom li jiġu ċċelebrati Ħadd wara l-15 ta’ Awwissu.

Il-Festa ta’ Santa Marija hi marbuta ma’ dak li sehh f’nofs it-tieni Gwerra Dinjija meta fl-1942, fil-Port il-Kbir daħal it-tanker Ohio magħruf bhala l-Konvoj ta’ Santa Marija, li apparti provvisti importanti wassal Malta tama ġdida fi żmien tant diffiċli.