Lokali Qorti

Żewġ żgħażagħ se jitressqu l-Qorti akkużati b’serq fil-Marsa

Illum, għall-ħabta tal-10:00am, il-Pulizija ser tressaq liż-żewġ Sudaniżi l-Qorti, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Claire Stafrace Żammit b’akkużi relatati ma’ dan il-każ.

Iż-żewġ żgħażagħ mis-Sudan kienu qed jinżammu taħt arrest wara li fl-aħħar jiem serqu żewġ persuni f’żewġ każijiet separati fil-Marsa.

Waqt ronda li kienu qegħdin jagħmlu l-Pulizija tal-Għassa tal-Marsa fit-toroq tal-lokalità, għall-ħabta tas-1:00am, instema għajjat fl-inħawi ta’ Triq Derby. Il-Pulizija marru fl-imsemmija triq u hemmhekk ġew avviċinati minn raġel mill-Mali ta’ 28 sena u stqarr li kien għadu kif ġie misruq min żewġ persuni.

Waqt li kienu qiegħdin fuq il-post, il-Pulizija ġew avviċinati minn raġel ieħor, ta’ 23 millEritrea u saħaq li kien għadu kif ġie aggredit minn żewġ persuni b’arma li taqta’ u bilponta u serquh. Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza ħaditu l-Isptar Mater Dei għall-kura. Aktar tard, ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

Il-Pulizija tad-Distrett bdew bit-tfittxija għaż-żewġ persuni skont id-deskrizzjoni li ngħataw. Ftit ħin wara, intlemħu żewġ persuni fil-viċinanzi tal-Għassa tal-Marsa li qablu mad-deskrizzjoni li taw il-vittmi. Huma twaqfu mill-Pulizija u dak il-ħin, wieħed minnhom rema’ mal-art arma li taqta’ u bil-ponta. Minn tfittxija li saret fuqhom instabu ċwievet, lighters, żewġ mobiles u ammont ta’ flus kontanti.

Iż-żewġt irġiel; wieħed ta’ 20 sena u l-ieħor ta’ 18-il sena, ġew arrestati u ttieħdu ġewwa l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għall-aktar investigazzjonijiet.

Bil-każ kienet ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke LL.D li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.