Coronavirus Lokali

EasyJet jissospendu kull titjira lejn Malta

Il-linja tal-ajru EasyJet ħabbret li ssospendiet kull titjira lejn Malta sa tal-inqas l-aħħar ta’ Awwissu wara li l-Uffiċju tal-Affarijiet Barranin Brittaniku poġġa lil pajjiżna fuq il-lista l-ħamra kawża taż-żieda sostanzjali ta’ każi tal-Covid-19.

Kelliem tal-EasyJet li tkellem mas-sit online Metro spjega li wara li l-Gvern ta’ Boris Johnson ħabbar din il-lista lill-pubbliku fejn fosthom hemm pajjiżna, Franza u l-Olanda – bl-ordni li kull min jiġi minn dawn id-destinazzjonijiet irid jagħmel 14-il jum kwarantina obbligatorja – iddeċidew li jissospendu kull titjira lejn dawn il-pajjiżi.

Ġie spjegat li l-klijenti ġew mgħarfa li dawn it-titjiriet ġew sospiżi u li ser jingħataw rifużjoni tal-ispejjeż li nefqu għall-biljetti. Kelliema għal EasyJet spjegaw li huma ferm dispjaċuti għal persuni li kienu entużjasti li jieħdu pawża verament dovuta.

Mis-Sibt, 15 ta’ Awwissu – kull min ser ikun qed jirritorna lejn ir-Renju Unit minn Malta huwa obbligat jagħmel din il-kwarantina. Dan wara li l-każi attivi laħqu rekord lokali f’temp ta’ ftit ġimgħat biss.