Coronavirus Lokali Saħħa

“Id-deċiżjonijiet tal-Gvern iridu jkunu bbażati fuq pariri xjentifiċi” – MAM

Il-pariri tal-MHRA, l-Awtorità tat-Turiżmu u l-Gvern wasslu għal konsegwenzi diżastrużi

Il-pariri ta’ dawk fl-industrija tat-turiżmu kellhom konsegwenzi diżastrużi fuq l-ekonomija u s-saħħa pubblika. Wasal iż-żmien li tissewwa l-ħsara. Id-deċiżjonijiet tal-Gvern jeħtieġ ikollhom bażi xjentifika soda”.

Hekk tiftaħ stqarrija tal-Assoċjazzjoni tat-Tobba fejn ħabbret li l-MAM kienet se twaqqaf id-direttivi għal ġimgħa mil-lum is-Sibt filwaqt li qed tistenna azzjoni deċiziva mill-Gvern.

Sfortunatament, qalet il-MAM, il-konsegwenzi kollha li kienet bassret u wissiet dwarhom qed iseħħu quddiem għajnejna, u il-festa ta’ Santa Maria li fiha ssoltu nfakkru t-tmiem tat-tieni gwerra dinjija jaf tibqa mfakkra bħala sħaba sewda, hekk kif issa anke l-ivvjaġġar bl-ajru qed ikun limitat.

Il-pressjoni kollha li tpoġġiet mill-MHRA, mill-Awtorità tat-Turiżmu u mill-Gvern wasslet għal deċiżjonijiet ħżiena u konsegwenzi diżastrużi fil-qasam turistiku u f’dak tas-saħħa pubblika, u ħafna pajjiżi issa poġġew lil Malta fil-lista l-ħamra u qed jagħtu lil pajjiżna “ċertifikat ta’ inkompetenza”.