Internazzjonali

Il-Ġappun ifakkar tmiem WWII

Għandi rimors qawwi għall-azzjonijiet li l-Ġappun wettaq tul it-tieni gwerra dinjija. Dan sostnieh l-Imperatur Ġappuniż Naruhito f’diskors li għamel fl-okkażżjoni tal-75 sena minn meta pajjiżu ċeda f’din il-gwerra u l-Istati Uniti ddikjaraw tmiem għal dan il-kapitlu mudlam fl-istorja tal-bniedem li ħataf miljuni ta’ ħajjiet.

Naruhito sostna li jittama li l-aġir li seħħ tul din il-gwerra, id-dinja qatt ma terġa’ taraha b’għajnejha. Dan filwaqt li l-Prim Ministru Shinzo Abe wiegħed li qatt m’hu ser ikun qed jirrepeti l-aġir tal-predeċessuri tiegħu.

Għal din l-okkażjoni, 4 ministru tal-Shinzo Abe waslu offerta ċerimonjali fis-Santwarju Yasukuni – mossa li jaf ma tinżilx tajjeb ħafna mal-Korea t’Isfel u ċ-Ċina. Dan l-għaliex din hija l-ewwel darba fl-aħħar 4 snin li politiċi f’kariga għolja taw omaġġ lil dawk li tilfu ħajjithom fil-gwerra – uħud proprju meqjusa bħala kriminali tal-gwerra li wettqu atroċitajiet mal-poplu Ċiniż u Korean.