Lokali

AĠĠORNATA: Jirriżenja l-Avukat Ġenerali Peter Grech

Kien instab ħati li kiser id-Drittijiet Kostituzzjonali tal-Kap Oppożizzjoni Adrian Delia

Il-President ta’ Malta għadu kif ħabbar permezz ta’ stqarrija li l-Avukat Ġenerali se jkun qed jirriżenja mill-kariga tiegħu.

L-istqarrija qasira maħruġa mill-Uffiċju tal-President fl-aħħar ħin tgħid li l-President ta’ Malta llum irċieva ittra mingħand Peter Grech li fiha għarrfu li se jkun qed jirriżenja mill-kariga tiegħu ta’ Avukat Ġenerali, ukoll għall-finijiet u l-effetti tal-Kap. 564 tal-Liġijiet ta’ Malta, b’seħħ mid-9 ta’ Settembru 2020.

Fl-istqarrija ma ingħatat ebda raġuni għal din ir-riżenja f’jum ta’ btala pubblika, għalkemm diversi sorsi li tkellmu ma’ Net News qalulna li l-pressjoni fuqu fl-aħħar xhur kompliet tikber.

Il-Partit Nazzjonalista kien ilu snin jitlob għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali Peter Grech.

L-Avukat Ġenerali kien instab ħati wkoll li kiser id-Drittijiet Kostituzzjonali tal-Kap Oppożizzjoni Adrian Delia.

Intant, fi stqarrija separata, il-Gvern feraħ lill-Avukat Ġenerali għall-ħidma tiegħu.

L-Avukat Ġenerali Peter Grech