Waħda mill-aktar festi mistennija fis-Sajf Malti, dik ta’ Marija Assunta, is-Sibt ħadet xejra għal kollox differenti kawża tal-pandemija tal-COVID-19.
Filwaqt li s-soltu l-jum tal-15 t’Awwissu jara ħafna toroq u pjazez miżgħuda bin-nies jiċċelebraw is-Solennità tat-Tlugħ fis-Sema’ ta’ Sidtna Marija, din is-sena, dawn baqgħu vojta għajr għat-tiżjin fil-pjazez u t-toroq.

Bhal-lum, Santa Marija tigi ccelebrata fl-irħula tal-Qrendi, l-Imqabba, il-Gudja, Ħal Għaxaq, Ħ’Attard, il-Mosta u r-Rabat Għawdex. Magħhom f’dan il-jum jingħaqdu l-Knisja l-Qadima ta’ Birkirkara, il-Knisja ta’ Santa Marija f’Ħal Tarxien u l-Knisja tas-Samra fil-Ħamrun, it-tlieta dedikati lil Santa Marija, li normalment jfakkru l-15 t’Awwissu b’funzjonijiet liturġiċi fl-istess knejjes.

Ma’ dawn imbagħad fit-tmiem il-ġimgħa li ġejja jiġu ċċelebrati l-Festi ta’ Santa Marija f’Ħad-Dingli, l-Imġarr u ż-Żebbuġ Għawdex, apparti numru ta’ kappelli ddedikati lil Marija Assunta f’Ħax-Xluq is-Siġġiewi u f’Tal-Ħlas Ħal Qormi, fost l-oħrajn.
Fi żjara li għamilna f’xi rħula, minflok il-ferħ u l-briju abbinati mal-marċi ta’ filgħodu, spikka s-skiet taqtgħu b’sikkina.

Il-ħemda setgħet tinkiser biss b’xi murtal mill-għelieqi fil-periferiji tal-irħula, hekk kif id-dilettanti tan-nar raw kif xorta jsellmu dan il-jum speċjali bil-logħob tan-nar fil-ħin tal-Angelus u filgħaxija.

L-Arċisqof ta’ Malta, Charles Scicluna, qaddes dan il-jum b’quddiesa fil-Katidral tal-Imdina filgħodu u segwa bir-reċta tar-rużarju mis-Santwarju tal-Madonna tas-Saħħa, ir-Rabat Malta.

F’Għawdex imbagħad, l-Ammistratur Appostoliku, l-Isqof Mario Grech ċċelebra l-quddiesa filgħodu miz-zuntier tal-Katidral tal-Assunta fiċ-Ċittadella filwaqt li filgħaxija, l-Isqof Maħtur, Anton Tewma, irreċta r-Rużarju u qaddes quddiesa oħra fil-Pjazza bil-Vara ta’ Santa Marija fil-bieb tal-Katidral.

L-istess sar fil-Qrendi, hekk kif is-Sibt għażlu li jiċċelebraw il-quddiesa tal-Festa fil-pjazza ta’ quddiem il-Knisja bil-ħarsien tad-distanzi soċjali, l-iġjene u l-limitu tan-nies skont il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Din is-sena taħbat ukoll is-70 anniversarju minn meta l-Papa Piju XII ipproklama id-Domma tal-Fidi tal-Assunzjoni ta’ Marija fl-1 ta’ Novembru 1950.
