Coronavirus Lokali

Passiġġieri li jaslu Perugia minn Malta jridu jagħmlu swab test

Mill-bieraħ, passiġġieri abbord titjiriet lejn il-belt Taljana ta’ Perugia minn Malta qed ikunu sottoposti għal swab test mal-inżul tagħhom.

Dan qed isir f’kamra speċjali li ntramat apposta propju għal testijiet fuq persuni li jkunu qed jaslu hemm minn pajjiżna.

Jidher li l-ewwel grupp ta’ passiġġieri li kienu obbligati jieħdu test kienu fil-biċċa ‘l kbira tagħhom żgħażagħ Taljani li mal-wasla lura pajjiżhom laqgħu il-proċess tal-ittestjar għax, skont rapport fil-media Taljana, qalu li “l-ilbies tal-maskri f’Malta kien skars”.

Diversi reġjuni Taljani qed jinfurzaw restrizzjonijiet differenti fuq persuni li qed jaslu minn Malta, bi Sqallija titlob biss li persuni ġejjin minn pajjiżna jirreġistraw ruħhom fuq app, filwaqt li reġjuni oħra qed jobbligaw lil min dieħel minn Malta jagħmel swab u saħansitra kwarantina ta’ 14-il jum.