Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: Rekord ta’ 72 każ ġdid f’pajjiżna

Ifiqu 20 persuni biex il-każi attivi jitilgħu bi 52 għal rekord ieħor ta' 557 każ attiv ta' COVID-19

Pajjiżna mill-ġdid reġa’ niżżel rekord ġdid fl-istorja tiegħu ta’ 72 każ ġdid ta’ Coronavirus.

B’20 persuna mfejjqa, il-każi attivi telgħu b’52 każ għal rekord ieħor ta’ 557 każ attiv ta’ COVID-19.

Dan tħabbar fuq il-paġna tal-Facebook tal-Ministeru tas-Saħħa, bl-istess Ministeru ma jagħti l-ebda rendikont ta’ kif qabadhom il-virus dawn it-72 persuna bl-iskuża li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Mill-investigazzjoni preliminari li għamlu, il-paġna ‘Is-Saħħa’ qalet li jidher li ħafna mill-każijiet huma relatati ma’ każi diġà magħrufa, b’dawk li kienu f’kuntatt ma’ dawn il-persuni pożittivi se jiġu kkuntattjati fis-sigħat li ġejjin.

Intant, rapporti fil-media qed jgħidu li hemm każ pożittiv ikkonfermat u 2 oħra mhux ikkonfermati ta’ Coronavirus f’Ministeru fil-Furjana, bil-ħaddiema li kienu f’kuntatt qegħdin fi kwarantina.

Ma’ dawn hemm 3 każi ġodda rappurtati minn stabbiliment tad-divertiment lussuż f’Paceville, bl-istabbiliment issa ngħalaq.

L-istess rapporti jsemmu ukoll 3 każi pożittivi minn ristorant f’Tas-Sliema u 5 każi oħra ġejjin minn żona ta’ rikreazzjoni għat-tfal f’Ħal Far.

B’hekk il-każi totali ta’ persuni infettati bil-Coronavirus sa mis-Sibt 7 ta’ Marzu tela’ għal kważi 1350 persuna.

Għalkemm s’issa pajjiżna rreġistra disat imwiet biss, fl-ITU sal-bieraħ kien hemm 3 persuni, wieħed fuq ventilatur u 2 fuq magna tal-ossiġnu, bil-Professur Charmaine Gauci twissi li l-effett taż-żieda kapaċi tissarraf f’aktar anzjani u persuni vulnerabbli jieħdu l-virus.

Minkejja ż-żieda allarmanti fil-każijiet pożittivi ta’ Coronavirus, tant li t-tieni mewġa xejjnet l-ewwel waħda, il-bullettin mediku tas-Supretendent tas-Saħħa Pubbliku s’issa għadu jsir darba fil-ġimgħa biss nhar il-Ġimgħa li ġej.