Lokali

Riżenja li waslet tard – PN

Dalgħodu tħabbret ir-riżenja tal-Avukat Ġenerali Peter Grech, riżenja li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ilha tinsisti għaliha għal dawn l-aħħar snin u messha ilha li saret, speċjalment meta kien evidenti li flok jiddefendi liż-żgħir spiċċa pupazz f’idejn il-Gvern Laburista, li ħataf l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.

Fi stqarrija, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stqarr li l-istess Avukat Ġenerali li għażel li jiddefendi kumpaniji barranin bħal Vitals kontra l-aħjar interess tal-Maltin u l-Għawdxin li spiċċaw jinsterqu €250,000 kuljum, u ma kienx lest li jħalli każijiet serji kontra l-klikka korrotta li kien hemm f’Kastilja taħt Joseph Muscat.

Ir-riżenja tal-Avukat Ġenerali hija konferma ċara kemm l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kellha raġun. L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali suppost qiegħed hemm biex iħares l-interess ta’ kull wieħed u waħda minna u mhux biex jipproteġi interessi partiġġjani tal-Gvern Laburista.

Il-Qorti kienet sabitu ħati li kiser il-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea, kiser id-drittijiet tiegħi bħala Kap tal-Oppożizzjoni meta rrifjuta li jagħtini kopja tar-rapport sħiħ dwar l-inkjesta Egrant. Fuq din biss diġà messu ilu li rriżenja. Ħoloq ukoll żbilanċ politiku serju fil-pajjiż.

Flok ikompli ftit ieħor, l-Avukat Ġenerali għandu jitlaq minnufih, u issa nesiġu li jinħatar xi ħadd li jgawdi l-fiduċja ta’ kulħadd sabiex jiżgura li ssir il-ġustizzja bil-ħarsien sħiħ tal-Kostituzzjoni.