Coronavirus Lokali

Turisti jgħidu li l-Gvern Malti mhux jieħu l-pandemija bis-serjetà

"L-aġir tal-Gvern Malti qed iħallina bla kliem"

“Qed ninnotaw li l-maġġoranza tal-Maltin mhux qed jilbsu l-maskra, aħseb u ara kemm qed iżommu d-distanza soċjali”.

Kien dan id-diskors li għamlu 4 żgħażagħ Sqallin li preżentament jinsabu fuq btala fil-Gżejjer Maltin fejn f’intervista fuq stazzjon Sqalli Tele Jonica t-tfajliet minn Katanja spjegaw li wara xi problemi mhux relatati mal-Covid-19 iddeċidew li jqattgħu tmiem il-ġimgħa ta’ Santa Marija f’pajjiżna.

Madanakollu spjegaw li qatt ma immaġinaw li kienu ser jispiċċaw f’żona ta’ riskju fejn tidħol il-pandemija. Huma saħqu li qed jibżgħu joħorġu mill-kamra li krew u qed joqgħodu f’iżolazzjoni minn jheddhom. It-tfajliet sostnew li ma jistgħux jemmnu l-għajnejhom kif il-ħajja f’Malta għaddejja qisu xejn m’hu xejn iżda huma ddeċiedu li jieħdu dan il-pass qabel ma jħallu pajjiżna nhar it-Tnejn, b’rispett ta’ qrabathom u ta’ dawk kollha li jistgħu jkollhom kuntannt magħhom kif imorru lura d-dar.

Tul dan il-programm iż-żgħażagħ saħqu li l-impressjoni li qed jieħdu huwa li minkejja li l-pandemija għadha fost il-popli, inkluż f’Malta, il-Gvern ta’ Robert Abela qed jiġi jaqa’ u jqum mis-sitwazzjoni biex jevita t-tixrid tal-virus, aġir li ħallihom bla kliem.

Huma insistew li l-maġġoranza tal-poplu Malti u mhux biss, mhux jilbes maskri fit-toroq, fil-bajjiet, fl-istabbilimenti tad-divertiment u wisq inqas qed iżommu d-distanza soċjali. Dan filwaqt li saħqu li malli waslu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ma sarilhom l-ebda kontroll fejn saħqu li lanqas biss itteħditilhom it-temperatura.