Internazzjonali

US 2020: Tħassib dwar il-voti bil-posta għall-Elezzjoni Presidenzjali

Il-kumpanija tas-Servizzi Postali Amerikana (USPS) qed twissi li hemm possibilità kbira li miljuni ta’ voti li ser ikunu qed jintbgħatu bil-posta, kawża tal-pandemija, jaf ma jaslux fil-ħin biex jilħqu jingħaddu f’Jum l-Elezzjoni Presidenzjali, fit-3 ta’ Novembru, 2020.

L-aġenzija saħqet li l-istandards tas-Servizzi Postali m’humiex ta’ livell sabiex ilaħqu mad-deadlines provduti sabiex kollox jimxi ħarir. Numru ta’ persuni kritikaw lill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija u saħqu li jrid ifixkel il-proċess b’mod qarrieqi l-għaliex huwa sostenitur qawwi tal-President Donald Trump.

F’din l-elezzjoni mistennija jipparteċipaw numru rekord ta’ votanti, partikolarment bil-posta kawża tal-pandemija tal-Covid-19 li qed taħkem lid-dinja.

Minkejja dan kollu, tul il-jum tal-Ħamis Donald Trump għamilha ċara li ser ikun qed jissospendi kull finanzjament addizzjonali lill-USPS sabiex jgħinhom f’dawn il-problemi, għaliex saħaq li huwa kontra li ssir votazzjoni permezz tal-posta. Dan minħabba l-fatt li huwa tal-ħsieb li grazzi għal dan il-proċess, jiżdied il-frodi fil-vot, bir-riskju li r-rivali Demokratiku Joe Biden jirbaħlu.

Madanakollu, l-esperti saħqu li din is-sistema, li hija użata mill-armata militari Amerikana kif ukoll minn Donald Trump innifsu, hija sigura. Bl-eks President Amerikan, Barack Obama jikktrika bil-qawwa l-attitudni ta’ Trump fejn iddeskriva l-aġir tiegħu bħala wieħed li jrid jimmina r-riżultat elettorali mingħajr ebda interess biex jiġġieled dan il-virus.