Coronavirus Lokali

“Abela għandu jgħid x’inhu l-pass ‘il quddiem rigward COVID-19” – PN

Bi tweġiba għal dak li l-Prim Ministru, Robert Abela qal fl-intervista li saret dalgħodu, il-Partit Nazzjonalista qed jisħaq li wara li qalilna li l-mewġ jinsab biss fil-baħar u li jrid igawdi s-sajf, Abela għażel li jonqos mir-responsabbiltà tiegħu u fil-mument li bid-deċiżjonijiet ħżiena u mgħaġla tiegħu l-poplu beda jara żidiet qawwija fil-każijiet tal-COVID-19, għażel li jmur bid-dgħajsa.

L-istqarrija tal-PN tkompli tgħid li Robert Abela għandu mhux biss iġorr ir-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet mgħaġla li issa qegħdin jipperikolaw is-saħħa tan-nies, wara s-sagrifiċċji kbar li għamlu fix-xhur li għaddew meta obdew id-direttivi tal-Awtoritajiet tas-saħħa, imma għandu wkoll jilqa’ l-istedina li saritlu llum mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia sabiex għada jlaqqa’ b’urġenza l-Parlament biex jgħid bil-fatti x’qed jagħmel u x’se jagħmel sabiex nikkontrollaw din it-tieni mewġa.

L-istqarrija tispiċċa tgħid li l-virus kien u għadu magħna, anke jekk Robert Abela jrid igawdi s-sajf, u l-politiċi għandhom ir-responsabbiltà li jinformaw u jagħtu l-informazzjoni kollha u korretta lin-nies, speċjalment meta din tikkonċerna s-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin.