Lokali Qorti

Avukat Pollakk jintbagħat 18-il xahar ħabs

Bartosz Marcin Adruszaniec, ta' 43 sena, instab ħati li għedded lil sidien ta' ditti legali.

Andruszaniec ittella’ l-Qorti b’għadd ta’ akkużi, fosthom serq u li hedded u rrikatta għadd ta’ persuni. Għall-akkużi rigward serq, hu ma nstabx ħati iżda dwar l-akkużi ta’ theddid, Andruszaniec instab ħati u ntbagħat sena u nofs ħabs.

Lura fi Frar tal-2019, Andruszaniec talab il-flus lil għadd ta’ persuni biex ma jikxifx kwistjoni li kellu ma ditta legali li temmitlu l-kuntratt ta’ konsulenza.

Jidher li Andruszaniec hedded lil għadd ta’ nies kemm bil-kliem u anke permezz ta’ ittri li bagħat. Hu saħansitra hedded lin-nies li jagħmlilhom bħalma sar lil Daphne Caruana Galizia.

Il-Maġistrat Gabriella Vella ma laqgħatx it-talba għall-ħelsien mill-arrest u sabitu ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Clayton Camilleri, l-akkużat irrappreżenta lilu nnifsu, waqt li Dr Stefano Filletti deher għall-parti ċivili.