Internazzjonali

Belarus: Dimostrazzjonijiet minn partitarji rivali….b’Lukashenko jikkundanna lill-kritiċi tiegħu

Ġħexieren ta’ eluf ta’ nies li jopponu lill-President tal-Belarus, Alexander Lukashenko, fl-aħħar sigħat, inġabru mill-ġdid fil-belt kapitali ta’ Minsk biex jipprotestaw dwar l-elezzjonijiet ta’ jiem ilu fil-pajjiż li mill-ġdid taw rebħa lil Lukashenko, fost akkużi dwar proċess immanipulat u mbagħbas.

Qed tiżdied ir-rabja tal-poplu dwar allegata frodi ‘fl-interess ta’ Lukashenko’ waqt l-elezzjoni kif ukoll dwar il-vjolenza tal-pulizija fuq id-dimostranti li ħarġu jipprotestaw kontra r-riżultat, fl-aħħar ġranet.

Il-President Lukashenko – magħruf bħala l-aħħar dittatur tal-Ewropa – kiseb trijonf konvinċenti skont l-aħħar statistika preżentati mill-awtoritajiet elettorali. Madankollu, l-Oppożizzjoni tal-Belarus – l-istess bħall-osservaturi barranin – jiddubitaw kemm ir-riżultati jagħtu stampa ċara tal-‘polz tal-poplu’.

Il-President Lukashenko, illum, indirizza folla ta’ ftit eluf ta’ partitarji fejn irrefera għall-elementi politiċi ta’ kontra tiegħu bħala ‘ġrieden tal-imramma’. Hu  ħeġġeġ biex il-partitarji tiegħu ‘jiddefendu lil pajjiżhom, kif ukoll l-indipendenza tal-Belarus’.

Id-dimostrazzjonijiet mill-partitarji rivali saru wara li r-Russja qablet biex toffri għajnuna tas-sigurà fil-każ ta’ xi theddid militari ‘esterni’ lill-Belarus. Dan sar magħruf wara li Lukashenko  tkellem darbtejn mal-President tar-Russja, Vladimir Putin, fi tmiem il-ġimgħa.

Fl-istess ħin, Alexander Lukashenko esprima tħassib dwar l-eżerċizzji militari tan-NATO li kienu qed isiru fil-Polonja u l-Litwanja ( ġirien tal-Belarus) waqt li infexx f’diskors iebes ħafna kontra din l-alleanza militari tal-Punent.

Il-Kummissjoni Elettorali tal-Belarus qed tgħid li Lukashenko rebaħ 80 fil-mija tal-vot fl-aħħar elezzjoni – bil-Kap ewlenija tal-Oppożizzjoni, Svetlana Tikhanovskaya, tikseb ftit aktar minn għaxar fil-mija. Madankollu. Tikhanovskaya qed tinsisti li hi, fil-fatt, rebħet ‘bejn is-60 u s-70 fil-mija’ fid-distretti ‘fejn ma sarx it-tbagħbis fil-proċess elettorali’.