Internazzjonali

COVID-19: Id-dinja tirreġistra l-ikbar ammont ta’ każijiet f’24 siegħa

Il-World Health Organisastion ħabbret li fl-aħħar 24 siegħa globalment kien hemm rekord ta’ każijiet ġodda ta’ COVID-19, propju 294,000 każ.

B’kollox mill-bidu tal-pandemija s’issa, iktar minn 21 miljun persuna ġew infettati bil-virus filwaqt li iktar minn 771,000 persuna tilfu ħajjithom.

L-Istati Uniti kellha l-ikbar ammont ta’ persuni li mietu bil-Coronavirus, jiġifieri kważi 170,000 persuna minn iktar minn ħames miljuni f’każijiet irreġistrati fil-pajjiż.

Intant, fid-dawl ta’ biża’ li l-każijiet ikomplu jitilgħu fix-xhur tax-xitwa, għadd ta’ pajjiżi qed jordnaw konsenja akbar tal-vaċċin ta’ kontra l-influwenza biex itaffu xi ftit mill-kriżi li l-isptarijiet għad iridu jgħaddu minnha minħabba l-Coronavirus. Fil-fatt, diġà kien irreġistrat numru rekord fil-produzzjoni tal-vaċċin tal-influwenza.

Intant, fid-dawl tat-tixrid ta’ coronavirus, id-Deputat Prim Ministru ta’ New Zealand qal li l-elezzjoni għandha tiġi posposta minħabba l-pandemija.

Franza qed tikkonsidra li tobbliga l-użu tal-maskri f’postijiet tax-xogħol. Dan wara iktar minn 3,300 każ ġdid f’24 siegħa, bin-numru tal-clusters investigati telgħu minn 17 għal 252.

Fejn tidħol l-edukazzjoni, il-gvern Ingliż qed jipprova jikkonvinċi lil ġenituri li hu sigur għat-tfal li jerġgħu imorru lura l-iskola. Dan filwaqt li għal ħamest ijiem konsekuttivi, il-pajjiż irreġistra iktar minn 1,000 każ ġdid kuljum.

L-Irlanda rat l-ikbar żieda ta’ każijiet minn Mejju ‘l hawn, b’numru ta’ clusters irrapurtati. L-istess bħal għadd ta’ pajjiżi oħra, fosthom l-Awstrija li wkoll rat żieda fil-każijiet u b’hekk se tkun qed iżżid it-testijiet li jsiru mal-fruntieri.

L-Afrika t’Isfel mit-Tnejn se tkun qed tnaqqas ir-restrizzjonijiet ta’ lockdown fil-pajjiż hekk kif jidher li ntlaħaq il-peak ta’ dan il-virus. In-negozji mistennija jerġgħu jiftħu filwaqt li jistgħu jibdew jiltaqgħu gruppi żgħar bejn il-familji.

Min-naħa l-oħra l-Korea t’Isfel qed tesperjenza l-agħar żmien tal-pandemija f’dawn l-aħħar ħames xhur, hekk kif fi żmien 24 siegħa, il-każijiet telgħu minn 103 każ ġdid għal 279, iktar mid-doppju.