Coronavirus Ekonomija Lokali Saħħa

COVID-19: “Mhix taħt kontroll? Assulutament li le!” – Robert Abela

Il-Prim Ministru jirrepeti l-argument ta' Donald Trump dwar it-testijiet li qed isiru

Il-Gvern se jkun qed ineħħi lill-immigranti minn fuq il-lista totali tal-każi ta’ Coronavirus. Dan b’riżultat li se jitnaqqas in-numru tal-persuna li skont l-istatistika kellhom il-Covid. Fl-istess waqt, Robert Abela jibqa’ jgħid li s-sitwazzjoni tal-pandemija tinsab taħt kontroll.

Żvilupp li l-Prim Ministru Robert Abela ħabbru f’intervista fuq il-media laburista, ftit tas-sigħat biss wara li ġie lura minn Sqallija.

Meta kien intervistat minn tliet ġurnalisti, mingħajr l-użu ta’ maskra, Robert Abela qal li f’dan il-mument irridu nuru “il-prijoritajiet”. Insista li f’pajjiżna “qed jinħoloq paniku żejjed”.

Robert Abela spiċċa jattakka lill-ġurnalisti u jgħidilhom biex ikunu fattwali. Dan meta l-media tiegħu stess mhix qed tkun fattwali u mhix tirrapporta n-numri minn ġurnata għall-oħra.

Il-Prim Ministru baqa’ jiddefendi lill-Ministru Julia Farrugia, minkejja l-probelmi kbar li ħolqu d-deċiżjonijiet li ttieħdu fis-settur turistiku – l-aktar bl-organizzazjoni tal-parties u l-attivitajiet tal-massa.

Intant, Robert Abela stqarr li n-nies m’għandhomx dixxiplina. U għalhekk se jkollu jdaħħal liġijiet biex jirrestrinġi.

“Se ndaħħal protokolli strettissimi. Se ndaħħlu testing fl-ajruport”, qal il-Prim Ministru.