Coronavirus Lokali Saħħa

“Diġà qegħdin tliet ġimgħat tard” – MAPHM

"Fil-ġimgħat li ġejjin, se naraw iktar nies rikoverati l-Isptar, nies morda b'mod kritiku u sfortunatament aktar imwiet."

Mill-aqwa fl-Ewropa spiċċajna l-agħar fl-Ewropa. Dikjarazzjoni ċara mill-Assoċazzjoni Maltija tat-Tobba tas-Saħħa Pubblika.

Fi stqarrija l-Assoċazzjoni qalet li l-ġimgħa li għaddiet, Malta rreġistrat l-ogħla rata ta’ każijiet ġodda per capita fl-Unjoni Ewropea kollha. Dan ifisser li n-nies f’Malta bħalissa jinsabu fl-ogħla riskju li jinfettaw ruħhom b’dan il-virus . Mhux dan biss, imma pajjiżna jinsab ukoll fl-aqwa 10 fid-Dinja. 

Filwaqt li l-mexxejja tagħna qed iġibu ruħhom bħallikieku għadna l-aħjar fl-Ewropa, u li m’hemm xejn fuq xiex ninkwetaw, il-frontliners tagħna u l-voluntiera jinsabu għaddejjin b’ħidma li ma taqta’ xejn fl-eqqel tas-sħana tas-sajf u ‘l bogħod mill-familji tagħhom.

Fl-istqarrija l-MAPHM tgħid li minħabba ż-żieda allarmanti fil-każi pożittivi, fil-ġimgħat li ġejjin, se naraw iktar nies rikoverati l-Isptar, nies morda b’mod kritiku, u sfortunatament imma inevitabbilment, aktar imwiet. Dan kollu grazzi għall-esperiment fallut ta’ stimulazzjoni tal-ekonomija mat- turisti.. miżuri li marru kontra l-pariri kollha tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika. Jekk il-Prim Ministru jrid jipprova li segwa l-parir tas-Saħħa Pubblika huwa għandu jippubblika immedjatmanet ir-risk assessements.

“Kwalunkwe miżuri se jitħabbru fis-sigħat li ġejjin, xorta diġà qegħdin 3 ġimgħat tard. Kieku ħadna l-prekawzjonijiet minn qabel, kieku ma konniex naslu f’dan l-istadju.” 

L-istqarrija tkompli tgħid li pajjiżna għandu jerġa’ jiddikjara stat ta’ emerġenza u jitwaqqfu li jiltaqgħu gruppi ta’ aktar minn 10 persuni. Dan filwaqt li għandhom jagħlqu l-bars. il-klabbs, il-parties u tiġi infurzata strettament id-distanza soċjali u l-użu ta’ maskra protettiva kif ukoll li jsir l-ittestjar għall-persuni kollha li jkunu deħlin minn pajjiżi oħra. L-MAPHM tistqarr li jekk is-sitwazzjoni tibqa’ sejra għall-agħar, ikun hemm bżonn li jiddaħħlu miżuri aktar stretti.

Finalment, l-appell tal-Assoċjazzjoni hu li jkun hemm approċċ bilanċjat li jippermetti li s-sitwazzjoni tkun stabilizzata ħalli n-nies ikunu jistgħu jerġgħu joħorġu, imorru għax-xogħol u eventwalment jibagħtu lil uliedhom l-iskola mingħajr periklu.