Coronavirus Lokali Saħħa

“Għada Robert Abela għandu jsejjaħ il-Parlament dwar is-sitwazzjoni tal-COVID-19” – Adrian Delia

“Għada stess, Robert Abela għandu jsejjaħ seduta speċjali tal-Parlament biex jispjega x’inhi l-istrateġija tal-Gvern tiegħu quddiem l-imxija tal-COVID-19 li reġgħet refgħet rasha bil-kbir. Il-poplu jrid ikun jaf fejn qiegħed u x’se jiġri.” Hekk qal il-Kap tal-PN Adrian Delia meta kien intervistat fuq NET FM.

Adrian Delia qal li kuljum qegħdin nisimgħu b’rapporti ta’ żidiet qawwija fl-imxija u l-effetti li din qed tħalli fuq is-saħħa u l-ekonomija. Il-Gvern ma jistax iħalli lin-nies fil-għama, bil-Prim Ministru jġib ruħu qisu xejn mhu xejn u jgħidilna li ‘l-mewġ qiegħed biss fil-baħar’ biex ‘igawdi s-sajf’. Huwa qal li dak li qed isehħ hija responsabbilta’ diretta ta’ Robert Abela, wara s-sagrifiċċji kbar u l-kollaborazzjoni kbira mal-Awtoritajiet tas-Saħħa li għamlu n-nies meta feġġgħet l-imxija. 

Adrian Delia qal li Robert Abela ġab fix-xejn il-ħidma kbira li saret mit-tobba u l-infermiera, u xhur sħaħ ta’ sagrifiċċji u llum għandna fost l-għola rata tal-imxija fl-Ewropa b’għadd ta’ pajjiżi Ewropej idaħħlu miżuri għal min ikun ġie f’pajjiżna. Mingħajr ma ta każ tal-esperti u tal-frontliners iddeċieda li jirriskja s-saħħa tan-nies b’deċiżjonijiet mgħaġla u llum spiċċajna b’ammont kbir ta’ każijiet. Dan qed ikollu u se jkompli jkollu effetti ħżiena ħafna fuq l-impjiegi u fuq in-negozji Maltin. Il-poplu nkwetat u l-Prim Ministru mehdi jgawdi s-sajf u l-baħar.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia tkellem ukoll dwar ir-riżenja tal-Avukat Ġenerali Peter Grech, u qal li l-Oppożizzjoni ilha tliet snin titlob għal din ir-riżenja li messha ilha li seħħet, wara li l-Avukat Ġenerali nstab ħati mill-Qorti Kostituzzjonali li kisirlu d-drittijiet fundamentali meta rrifjuta li jagħtih, bħala Kap tal-Oppozizzjoni, kopja sħiħa tar-rapport tal-inkjesta dwar Egrant, ħoloq żbilanċ politiku perikoluż f’pajjiżna, kiser il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u meta suppost li kien hemm sabiex jiddefendi l-Kostituzzjoni u lill-Maltin minflok għażel li jiddefendi klikka korrotta.

Adrian Delia qal li l-Avukat Ġenerali wera dgħjufija kbira quddiem provi ċari ta’ korruzzjoni mill-ogħla ċrieki tal-Gvern u flok ingħaqad miegħu biex flimkien jiddefendu lill-Maltin u l-Għawdxin, iddeċieda li jiddefendi kumpaniji barranin f’kuntratt maħmuġ tat-tliet sptarijiet biex illum il-ġurnata l-poplu kollu qed iħallas €250,000 kuljum lil kumpaniji barranin, li l-Gvern Laburista kien ftiehem magħhom qabel ma ħareġ it-tender bil-barka tal-Ministri.

Adrian Delia spjega kif fl-aħħar sena l-Oppożizzjoni kienet effettiva tant li wasslet għar-riżenji ta’ Joseph Muscat,  Keith Schembri,  Konrad Mizzi, Chris Cardona u issa Peter Grech. Huwa spjega li l-ġlieda tiegħu fil-Qrati biex l-isptarijiet jingħataw lura lill-Maltin. Dan kollu xhieda ta’ Oppożizzjoni effettiva mhux dgħajfa, kif hemm min jipprova jpenġiha, iżda li qed tagħmel pressjoni fil-Parlament u fil-Qorti.

Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni se tibqa’ taħdem biex inġibu lura dak kollu li nsteraq għax jekk inwaqqfu kuntratti maħmuġin bħalma huwa tal-Vitals, ikollna iktar miljuni li nistgħu nużawhom lura sabiex ngħinu lill-ħaddiema, lil min m’għandux xogħol, lin-negozji u lill-anzjani li qegħdin jaffaċċjaw tbatijiet kbar f’dawn iż-żminijiet diffiċli tal-imxija tal-virus.

Adrian Delia qal li l-politiċi qegħdin hemmhekk biex ikunu man-nies fiż-żmien tal-maltempati u l-Oppożizzjoni se tibqa’ titkellem, tisma’ u toħroġ bis-soluzzjonijiet u proposti konkreti biex nidħlu għal pajjiżna. Huwa qal li ħadd u xejn mhu se jaqtalna qalbna, l-ebda theddid u l-ebda intimidazzjoni mhi se twaqqafna milli nkomplu niġġieldu għas-sewwa u għan-nies.