Coronavirus Lokali

Il-ħaddiema inkwetati dwar l-istabbiltà ta’ xogħolhom

Il-ħaddiema Maltin jinsabu inkwetati dwar l-istabbiltà ta’ xogħolhom, bl-isforzi li saru mill-ħaddiema tas-saħħa issa bħal donnu sfaxxaw fix-xejn.

Dan intqal mis-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja, f’intervista ma’ The Malta Independent on Sunday, hekk kif il-każijiet tal-Coronavirus iktar ma jmur iktar qed jiżdiedu f’pajjiżna, bil-ħaddiema jinsabu pjuttost inkwetati dwar x’se jiġri jekk is-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi.

Josef Bugeja qal li bħala union qed iħarsu kemm lejn l-aspett tas-saħħa u anke tal-ekonomija, biex b’hekk ikunu jistgħu jassistu kull post tax-xogħol f’pajjiżna.

Bugeja qal li raw differenza kif il-ħaddiema qed iħarsu lejn dan il-virus hekk kif fil-bidu kienu inkwetati għal saħħithom… iżda issa qed jibżgħu li jitilfu xogħolhom.

Fid-dawl taż-żieda fil-każijiet, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Unions qal li l-ekonomija reġgħet bdiet sejra lura hekk kif il-każijiet żdiedu b’mod sostanzjali, b’għadd ta’ ħaddiema juru l-inkwiet tagħhom.

Mal-istess gazzetta…. il-UHM Voice of the Workers qalet li hemm bżonn li l-Gvern minnufih jippublika r-risk assessments għas-sigurtà tal-ħaddiema, b’mod speċjali għal dawk li ma jistgħux jaħdmu mid-dar. Il-Kap Ezekuttiv tal-UHM, Josef Vella saħaq li dan hu ta’ bżonn biex jonqos it-tixrid tal-COVID-19.

Bħala Union, Vella fakkar li ħarġu direttivi biex dawk vulnerabbli jkunu jistgħu jaħdmu mid-dar għas-sigurtà ta’ saħħithom. Madanakollu, hu qal li dan ma jistax iseħħ f’kull kaz.

Josef Vella kompla jgħid li hemm ukoll ġenituri li ma jafux ma min jistgħu iżommu lit-tfal meta huma jkunu x-xogħol hekk kif ma jħossuhomx komdi jibgħatuhom f’xi childcare jew skola sajf minħabba li qed jizdied ir-riskju tat-tixrid tal-virus.